Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL, DOLORES CRISTINA WAQT L-INAWGURAZZJONI TAT-28 EDIZZJONI TAL-FIERA NAZZJONALI TAL-KTIEB - FIĊ-ĊENTRU TAL-MEDITERRAN TAL-KONFERENZI – IT-TLIETA 6 TA’ NOVEMBRU 2012

pr2435
Date Icon 07/11/2012

Ix-xahar li għadda l-Belt Valleta ntagħżlet biex tkun il-Belt Kapitali Ewropea  għall-2018,  flimkien ma’ belt oħra fl-Olanda.  Minn issa, kif tħabbar, qed jingħata bidu għax-xogħol biex dan l-unur ikun konkretizzat b’serje ta’ attivitajiet oriġinali, kulturali u artistiċi, mifruxin u inklussivi. U llum, meta qed nerġgħu niċċelebraw l-avveniment annwali tal-Fiera tal-Ktieb, ma nistgħux ma nittamawx li l-letteratura u l-ktieb jiksbu profil importanti fil-kuntest kreattiv tal-V18.

Bla dubju, il-ktieb ma joffrix l-ispettakolarità tal-opra, tat-teatru, tal-mużika, taż-żifna jew l-arti viżiva, iżda jekk tinjora l-ktieb u lill-awturi, tkun qed tipparalizza aspett kruċjali minn ruħ in-nazzjon.  U għalhekk qegħdin nappellaw minn issa biex għall-2018 il-Belt kapitali tagħna tkun anke sors dinamiku għat-tixrid tal-kitba u r-rikonoxximent tal-awturi tagħna.

Il-Fiera tal-Ktieb, ta’ kull sena, tiġbed ħafna nies imma għad mhux magħruf x’qed jiġbidhom u x’effett qed iħalli dan l-avveniment annwali.  Qed ngħidu hekk għax min-naħa l-oħra, sondaġġ wara l-ieħor juri li n-numru ta’ Maltin, li jaqraw kotba għadu relattivament baxx.  F’rapport li għadha kif ippubblikat l-Aġenzija Żgħażagħ, Mirrors and Windows,  kien ikkonfermat li hemm defiċit serju fejn jidħol il-qari fost iż-żgħażagħ.  37.5% qalu li ma jaqrawx  b’mod regolari  u 40% saħanistra ma jaqrawx  gazzetta. 

Huma biss 16% taż-żgħażagħ tagħna li meta jaqraw xi ħaġa, jaqrawha bil-Malti. Għalhekk irridu nkunu aktar kreattivi. Bla dubju ta’ xejn, l-awturi huma fost l-aktar nies kreattivi. Jikkreaw l-istorja f’moħħhom, jinsġuha f’kitba, kultant huma stess jew iqabbdu xi artist ieħor jikkrea viżwali biex jakkumpanjaw l-istorja u mbagħad jidħlu għar-riskju tal-pubblikazzjoni u hawn tidħol ukoll fl-istorja il-kreattività tal-pubblikatur. Dan juri kemm il-pubblikazzjoni ta’ ktieb hi proġett kreattiv.

F’moħħi ma għandi ebda dubju li l-ktieb għandu sehem importanti fl-industrja tal-kreattività.  Din hi industrija li qed tikber u tiżviluppa u magħha trid tikber ukoll l-imħabba għall-ktieb u għall-qari.

Marbutin mal-problema hemm diversi fatturi, inkluż ir-riskji li qed jieħdu l-pubblikaturi biex jippruvaw jimbuttaw il-ġeneru.  Forsi fl-epoka diġitali, fejn l-internet u t-tablets huma l-għodda l-ġodda ta’ riċerka, istituzzjonijiet kulturali jistgħu jaraw kif se jinħolqu siti interattivi li jippromwovu l-letteratura Maltija.

Il-Gvern qed jerfa’ r-responsabbiltà biex jgħin lill-awturi u lill-ktieb lokali imma jidher li biex tingħeleb l-indifferenza dwar il-qari jeħtieġu wkoll ideat u strateġiji innovattivi, u minn inħawi differenti. Hemm bżonn isir sforz akbar.  L-imħabba għall-ktieb u l-qari ma nistgħux nimponuha iżda rridu nibnu kultura favur tagħha.  Dan irid ikun l-impenn tagħna lkoll u mhux tal-Kunsill tal-Ktieb biss.

Li jista’ jsir żgur hu li l-problemi  relatati mal-awturi, mal-letteratura ta’ kull tip u mal-pubbilkaturi li qed iħaddmu industrija li b’xorti ħażina għadha marġinali, jitwasslu għad-dibattitu pubbliku. Dawn il-problemi rridu ninkwadrawhom fi strateġija li titfassal għall-industrja tal-kreattività kollha kemm hi.

Hemm imbagħad dawk li jsemmu l-ħtieġa li l-ktieb Malti ikun trasferit barra minn Malta, permezz tat-traduzzjoni.  M’hemmx dubju li dan hu ħsieb validu jekk il-letteratura tagħna tittama li tassumi xi preżenza Ewropea.  M’huwiex impossibbli li jinħolqu joint ventures f’dan ir-rigward, li jistgħu jinvolvu lill-Gvern Ċentrali, lill-Università, entitajiet bħall-Kunsill tal-Arti u l-Kultura, il-Kunsill tal-Ilsien Malti u ċ-Ċentru għall-Kreattività, kif ukoll sorsi mill-industrija tat-turiżmu u l-esplorazzjoni għal Fondi Ewropej.  Barra minn hekk, illum l-Università nnifisha qed toffri saħanistra Masters fit-Traduzzjoni, b’xogħlijiet ta’ livell letterarju għoli li għadhom m’humiex isibu l-ispazju li ċertament, jixiriqilhom.

Anki l-libreriji pubblici jistgħu isiru aktar interattivi, bħalma jsir barra, permezz ta’ wirjiet, dibattiti li jipprovokaw il-ħsieb u jistimulaw l-immaġinazzjoni permezz ta’ qari drammatizzat. F’din id-direzzjoni diġà qed isiru sessjonijiet ta’ Story Telling li qed jintlaqgħu tajjeb ħafna. Fil-programm ta’ din il-Fiera hemm taħlita tajba ta’ attivitajiet bħal dawn.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jagħmel il-parti tieghu u ħafna drabi jmur lilhinn minn dak li hu mistenni minnu. Min-naħa tiegħu l-Gvern qed jistudja, u nenfazziza qed jistudja, strateġija u soluzzjonijiet biex ix-xogħol siewi tal-Kunsill tal-Ktieb u oħrajn simili jkun kumplimentat b’strutturi permanenti u b’saħħithom li jistgħu jidħlu għal proġetti akbar.

Nixtieq nirringrazzja lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, lill-Malta Library Services, lill-awturi u lill-pubblikaturi li ta’ kull sena joffru lill-poplu Malti din il-festa ta’ kotba li titlob impenn sħiħ minn dawk kollha involuti, liema impenn hu apprezzat ħafna mill-eluf ta’ persuni li jżuruha.  

Akkumpanjata mill-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Ġorġ Mallia u Joanne Sciberras, Chairperson tal-Kumitat Organizattiv tal-Fiera, il-Ministru Cristina daret mal-istands u tkellmet mal-esibituri kollha.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Imnedija l-Iskema Familja+ b’investiment ta’ €4.7 miljun li mistennija tilħaq madwar 7,000 tifel u tifla

PR262026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  Minister Silvio Schembri opens Tech Xpo and launches Malta’s AI Strategy 2.0

PR262025en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

Aktar Stqarrijiet Right arrow