DISKORS MILL-MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL, DOLORES CRISTINA WAQT L-INAWGURAZZJONI TAT-28 EDIZZJONI TAL-FIERA NAZZJONALI TAL-KTIEB - FIĊ-ĊENTRU TAL-MEDITERRAN TAL-KONFERENZI – IT-TLIETA 6 TA’ NOVEMBRU 2012
Ix-xahar li għadda l-Belt Valleta ntagħżlet biex tkun il-Belt Kapitali Ewropea għall-2018, flimkien ma’ belt oħra fl-Olanda. Minn issa, kif tħabbar, qed jingħata bidu għax-xogħol biex dan l-unur ikun konkretizzat b’serje ta’ attivitajiet oriġinali, kulturali u artistiċi, mifruxin u inklussivi. U llum, meta qed nerġgħu niċċelebraw l-avveniment annwali tal-Fiera tal-Ktieb, ma nistgħux ma nittamawx li l-letteratura u l-ktieb jiksbu profil importanti fil-kuntest kreattiv tal-V18.
Bla dubju, il-ktieb ma joffrix l-ispettakolarità tal-opra, tat-teatru, tal-mużika, taż-żifna jew l-arti viżiva, iżda jekk tinjora l-ktieb u lill-awturi, tkun qed tipparalizza aspett kruċjali minn ruħ in-nazzjon. U għalhekk qegħdin nappellaw minn issa biex għall-2018 il-Belt kapitali tagħna tkun anke sors dinamiku għat-tixrid tal-kitba u r-rikonoxximent tal-awturi tagħna.
Il-Fiera tal-Ktieb, ta’ kull sena, tiġbed ħafna nies imma għad mhux magħruf x’qed jiġbidhom u x’effett qed iħalli dan l-avveniment annwali. Qed ngħidu hekk għax min-naħa l-oħra, sondaġġ wara l-ieħor juri li n-numru ta’ Maltin, li jaqraw kotba għadu relattivament baxx. F’rapport li għadha kif ippubblikat l-Aġenzija Żgħażagħ, Mirrors and Windows, kien ikkonfermat li hemm defiċit serju fejn jidħol il-qari fost iż-żgħażagħ. 37.5% qalu li ma jaqrawx b’mod regolari u 40% saħanistra ma jaqrawx gazzetta.
Huma biss 16% taż-żgħażagħ tagħna li meta jaqraw xi ħaġa, jaqrawha bil-Malti. Għalhekk irridu nkunu aktar kreattivi. Bla dubju ta’ xejn, l-awturi huma fost l-aktar nies kreattivi. Jikkreaw l-istorja f’moħħhom, jinsġuha f’kitba, kultant huma stess jew iqabbdu xi artist ieħor jikkrea viżwali biex jakkumpanjaw l-istorja u mbagħad jidħlu għar-riskju tal-pubblikazzjoni u hawn tidħol ukoll fl-istorja il-kreattività tal-pubblikatur. Dan juri kemm il-pubblikazzjoni ta’ ktieb hi proġett kreattiv.
F’moħħi ma għandi ebda dubju li l-ktieb għandu sehem importanti fl-industrja tal-kreattività. Din hi industrija li qed tikber u tiżviluppa u magħha trid tikber ukoll l-imħabba għall-ktieb u għall-qari.
Marbutin mal-problema hemm diversi fatturi, inkluż ir-riskji li qed jieħdu l-pubblikaturi biex jippruvaw jimbuttaw il-ġeneru. Forsi fl-epoka diġitali, fejn l-internet u t-tablets huma l-għodda l-ġodda ta’ riċerka, istituzzjonijiet kulturali jistgħu jaraw kif se jinħolqu siti interattivi li jippromwovu l-letteratura Maltija.
Il-Gvern qed jerfa’ r-responsabbiltà biex jgħin lill-awturi u lill-ktieb lokali imma jidher li biex tingħeleb l-indifferenza dwar il-qari jeħtieġu wkoll ideat u strateġiji innovattivi, u minn inħawi differenti. Hemm bżonn isir sforz akbar. L-imħabba għall-ktieb u l-qari ma nistgħux nimponuha iżda rridu nibnu kultura favur tagħha. Dan irid ikun l-impenn tagħna lkoll u mhux tal-Kunsill tal-Ktieb biss.
Li jista’ jsir żgur hu li l-problemi relatati mal-awturi, mal-letteratura ta’ kull tip u mal-pubbilkaturi li qed iħaddmu industrija li b’xorti ħażina għadha marġinali, jitwasslu għad-dibattitu pubbliku. Dawn il-problemi rridu ninkwadrawhom fi strateġija li titfassal għall-industrja tal-kreattività kollha kemm hi.
Hemm imbagħad dawk li jsemmu l-ħtieġa li l-ktieb Malti ikun trasferit barra minn Malta, permezz tat-traduzzjoni. M’hemmx dubju li dan hu ħsieb validu jekk il-letteratura tagħna tittama li tassumi xi preżenza Ewropea. M’huwiex impossibbli li jinħolqu joint ventures f’dan ir-rigward, li jistgħu jinvolvu lill-Gvern Ċentrali, lill-Università, entitajiet bħall-Kunsill tal-Arti u l-Kultura, il-Kunsill tal-Ilsien Malti u ċ-Ċentru għall-Kreattività, kif ukoll sorsi mill-industrija tat-turiżmu u l-esplorazzjoni għal Fondi Ewropej. Barra minn hekk, illum l-Università nnifisha qed toffri saħanistra Masters fit-Traduzzjoni, b’xogħlijiet ta’ livell letterarju għoli li għadhom m’humiex isibu l-ispazju li ċertament, jixiriqilhom.
Anki l-libreriji pubblici jistgħu isiru aktar interattivi, bħalma jsir barra, permezz ta’ wirjiet, dibattiti li jipprovokaw il-ħsieb u jistimulaw l-immaġinazzjoni permezz ta’ qari drammatizzat. F’din id-direzzjoni diġà qed isiru sessjonijiet ta’ Story Telling li qed jintlaqgħu tajjeb ħafna. Fil-programm ta’ din il-Fiera hemm taħlita tajba ta’ attivitajiet bħal dawn.
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jagħmel il-parti tieghu u ħafna drabi jmur lilhinn minn dak li hu mistenni minnu. Min-naħa tiegħu l-Gvern qed jistudja, u nenfazziza qed jistudja, strateġija u soluzzjonijiet biex ix-xogħol siewi tal-Kunsill tal-Ktieb u oħrajn simili jkun kumplimentat b’strutturi permanenti u b’saħħithom li jistgħu jidħlu għal proġetti akbar.
Nixtieq nirringrazzja lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, lill-Malta Library Services, lill-awturi u lill-pubblikaturi li ta’ kull sena joffru lill-poplu Malti din il-festa ta’ kotba li titlob impenn sħiħ minn dawk kollha involuti, liema impenn hu apprezzat ħafna mill-eluf ta’ persuni li jżuruha.
Akkumpanjata mill-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Ġorġ Mallia u Joanne Sciberras, Chairperson tal-Kumitat Organizattiv tal-Fiera, il-Ministru Cristina daret mal-istands u tkellmet mal-esibituri kollha.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en