IL-KUMPANIJI MALTIN HUMA EŻEMPJU ĦAJ TAL-INVESTIMENT SOD U T-TKABBIR TAL-EKONOMIJA TA’ PAJJIŻNA
Fetħet il-fabbrika tagħha b’ħames impjegati u llum wara aktar minn għoxrin sena, il-Kumpanija Delta Malta Ltd tħaddem ‘il fuq minn 100 ħaddiema u dan grazzi għall-iskemi u l-inċentivi li dan il-Gvern qed joħloq sabiex aktar kumpaniji jissaħħu u jiġġeneraw l-impjiegi. Dan qalu dalgħodu, l-Ministru ghall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi meta kien qed iżur din il-fabbrika ġewwa l-qasam industrijali ta’ Kordin.
Delta hija kumpanija tal-elettronika li tipproduċi power supplies għall-użu tal-industija, kemm għall-kumpaniji lokali kif ukoll dawk li jinsabu madwar id-dinja. Is-shareholders tal-kumpanija huma Olandizi, u filfatt l-kumpanija għandha fergħa oħra fl-Olanda. Delta Malta tipproduċi apparat ta’ livell għoli fi transformer winding, SMD assembly u final unit wiring. Barra minn hekk, l-ittestjar tal-apparat isir kollu f’Malta.
Is-Sur Joseph Attard, Direttur Maniġerjali ta’ Delta , qal li l-kumpanija tinvesti ħafna fil-ħaddiema tagħha billi torganizza taħriġ speċjalizzat b’mod kontinwu. Huwa qal li kull sena l-kumpanija tagħmel investiment ta’ €200,000 Euro li jintuża għar-riċerka, għax-xiri ta’ makkinarju ġdid kif ukoll sabiex isir l-ittestjar neċessarju. Permezz ta’ dan l-investiment, Delta setgħat tkompli żżid aktar ħaddiema u hekk għandha fil-ħsieb li tkompli tagħmel. Filfatt s-sena l-oħra biss,l-kumpanija impjegat 10 ħaddiema ġodda. Is-Sur Attard qal li fil-futur, il-kumpanija qed tippjana sabiex tkompli tinvesti billi tixtri makkinarju ġdid kif ukoll tinvesti f’soluzzjoni alternattivi tal-energija.. Huwa qal ukoll li l-aħħar sentejn kienu l-aħjar sentejn għal kumpanija minn kemm ilha topera u tenn li s-sena d-dieħla, il-kumpanija diġa għandha 8 gimgħat ta’ xogħol ibbukjat.
Il-Ministru Azzopardi wera ruħu sodisfatt għal din l-aħbar, u qal li meta komparat ma pajjiżi oħra li għandhom problemi ekonomiċi kbar, il-kumpaniji Maltin qed ikomplu jikbru u jissaħħu. Saħaq li l-maġġoranza tal-kumpaniji li huwa qed iżur b’mod frekwenti, kollha qed ikollhom kliem ta’ tifħir għal kif sejjer in-negozju tagħhom u permezz ta’ dan, qed iżiedu l-impjiegi. Dan jawgura, saħaq Azzopardi sabiex aktar kumpaniji jimxu fuq dawn l-eżempji sabiex ikomplu joħolqu x-xogħol u jsaħħu l-ekonomija Maltija.
Huwa qal li l-Gvern qiegħed kuljum jiġġieled il-burokrazija, bil-ħolqien ta’skemi ta’ fejda. bħal ma huma l-Microinvest u l-Microcredit li jgħinu lill-mijiet ta’ negozji sabiex jinvestu u jissaħħu. Il-Ministru Azzopardi qal li l-Gvern għadu kif ħabbar riforma ġdida f’dak li għandu x’jaqsam mal-liċenzji tal-kummerċ, liema liġijiet ġodda ġew fis-seħħ fil-bidu ta’ dan ix-xahar. Azzopardi ħeġġeġ lill-kumpaniji ġodda kif ukoll dawk li diġa ilhom joperaw, sabiex jaghmlu użu tajjeb kemm mill-iskemi kif ukoll mill-One Stop Shop il-Business First sabiex ikunu jistgħu jinqdew mill-aħjar mod possibli.
Il-Ministru Azzopardi sostna l-importanza li aktar kumpaniji żgħar u medji jinvestu sabiex bħal din il-kumpanija jkomplu jkabbru l-operat tagħhom. Dan, qal il-Ministru Azzopardi, ikun ifisser ekonomija aktar b’saħħitha. Huwa qal li din hija turija ċara li meta jikber l-investiment fil-kumpaniji, jiġu ġġenerati aktar impjiegi. Qal ukoll li fl-aħħar erba snin, in-numru ta' self employed żiedu għal 24,493 u dan jawgura għall-ħolqien ta’ aktar negozji.
Fl-aħħar nett il-Ministru Azzopardi rrefera għar-rapport li ħareg mill-Kummissjoni Ewropea, li jindika li Malta sejra tajjeb ħafna meta mqabbla ma’ pajjizi kbar fis-settur tan-negozji żgħar u medji. Qal li dan għandu jservi, sabiex in-negozji jimtlew bil-kurraġġ u ma jħallux lil min jipprova jaqtalhom qalbhom.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en