SERVIZZI GĦAL PERSUNI B’DIŻABILITÀ FIL-QALBA TAL-KOMUNITÀ F’GĦAWDEX
‘Permezz tal-one-stop-shop immexxi mill-Federazzjoni Għawdxija Persuni b’Diżabilità, il-familji ta’ persuni b’diżabilità f’Għawdex qed jingħataw servizz koordinat u aktar effiċjenti fil-qalba tal-komunità.’ Dan qalitu l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, fi żjara li għamlet fl-uffiċċju li jinsab fiċ-Ċentru Santa Marta minn fejn, għal dawn l-aħħar tliet snin, il-Federazzjoni bdiet toffri aċċess għal diversi servizzi offruti minn bosta entitajiet kemm dawk governattivi kif ukoll oħrajn professjonali u volontarji f’dan il-qasam.
Il-Ministru Debono ppreżentat għajnuna finanzjarja li tkopri l-ispejjeż annwali marbuta mat-tmexxija ta’ dan l-uffiċċju lill-President tal-Federazzjoni Għawdxija Persuni b’Diżabilità, Dr Kevin Cutajar. Preżenti wkoll kien hemm is-Sinjura Mary Rose Attard u s-Sur Jonathan Debono li jikkordinaw ix-xogħol kollu li jsir f’dan il-one-stop-shop. Fost ħwejjeġ oħra dan jesiġi li jżommu ruħhom infurmati fuq is-servizzi offruti fid-diversi oqsma ta’ diżabilità anke permezz ta’ laqgħat ma’ stakeholders oħra li jaħdmu f’dan is-settur. B’hekk l-uffiċċju f’Għawdex ikun jista’ joffri assistenza u jiggwida lil persuni għall-għajnuna fl-oqsma rispettivi bl-aħjar mod possibbli. Jikkollaboraw ukoll ma’ edukaturi u għaqdiet oħra biex permezz ta’ tixrid ta’ informazzjoni jitkabbar l-għarfien u tiġi promossa l-inklużjoni f’kull qasam soċjali f’Għawdex.
L-Onor. Giovanna Debono faħħret il-mod tassew proattiv li bih il-Federazzjoni Għawdxija Persuni b’Diżabilità ilha tmexxi dan l-uffiċċju li nfetaħ ftit wara l-inawgurazzjoni taċ-Ċentru Santa Marta ftit aktar minn tliet snin ilu. Il-Ministru fissret kif l-inawgurazzjoni ta’ dan iċ-ċentru kien ħolqa oħra f’katina ta’ inizjattivi meħuda mill-Ministeru għal Għawdex f’dawn l-aħħar snin fejn fiha tjiebu b’mod sostanzjali is-servizzi għall-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom f’Għawdex.
Is-Sur Michael Bajada, direttur taċ-Ċentru Santa Marta spjega kif madwar 30 persuna jagħmlu użu mis-servizzi ta’ dan iċ-ċentru li jiġi offrut kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa. Minbarra servizzi ta’ terapiji differenti skont kif meħtieġa, dawn il-persuni jiġu wkoll imħarrġa f’abiltajiet li jgħinuhom jgħixu b’mod aktar indipendenti. F’dawn l-aħħar ġimgħat 3 persuni li jattendu dan iċ-ċentru bdew esperjenzi ta’ impjieg fil-komunità permezz tal-iskema Me2. Permezz ta’ kollaborazzjoni maċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri, jiġu organizzati attivitajiet ta’ occupational therapy li jinkludu xogħol fil-karta pesta, ċaqquf, injam, bizzilla u xogħol ieħor tal-idejn. Jiġu wkoll mgħallma biex itejbu l-ħiliet fl-użu tal-kompjuter filwaqt li jipparteċipaw f’attivitajiet soċjali u ħarġiet kemm f’Għawdex kif ukoll f’Malta.
Il-Ministru Giovanna Debono żaret wirja ta’ xogħlijiet bil-kartapesta li bħalissa jinsabu għal wiri fiċ-ċentru stess. Hija esprimiet sodisfazzjon fir-rigward tal-inizjattivi u l-kollaborazzjoni bejn iċ-Ċentru Santa Marta u l-ħidma li ssir mill-Federazzjoni Għawdxija Persuni b’Diżabilità permezz tal-one-stop-shop, u fissret kif dawn qed jagħtu riżultati xierqa għall-investiment li sar u ser ikompli jsir b’risq dan il-qasam soċjali importanti f’Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en