INSTALLAZZJONI TAL-PANNELLI FOTOVOLTAJIĊI FL-ORATORJU TA’ DON BOSCO
“It-tibdil fil-klima huwa suġġett topiku u importanti. Kulħadd jaqbel li hemm bżonn miżuri serji biex din il-problema tiġi indirizzata. Il-Gvern jemmen li ma jistax jindirizza din il-problema waħdu u jappoġġja l-parteċipazzjoni tal-għaqdiet u individwi fl-indirizz ta’ din il-problema globali”
Dan qalu l-Ministru tal-Ġuztizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said waqt li kien qed jinawgura proġett ta’ installazzjoni ta’ panelli fotovoltajiċi fuq il-bejt tal-Oratorju Don Bosco fir-Rabat Għawdex.
Chris Said qal li l-parteċipazzjoni ta’ għaqdiet mhux governattivi f’dan is-settur hija ta’ importanza kbira u kien għalhekk li l-Gvern ha diversi miżuri biex jinċentiva lill-istess għaqdiet jieħdu inizzjattivi simili.
Fost dawn il-Ministru Said semma l-fond ta’ ko-finanzjament fejn il-Gvern jiffinanzja parti sostanzjali mill-ammont li tkun trid tagħmel tajjeb għalih l-entità partikolari meta din tikkwalifika għall-fondi Ewropej. Permezz tal-fond ta’ ko-finanzjament il-Gvern se jkun qed jgħin lil dan il-proġett bi grant ta’ 30,000 Ewro.
L-Oratorju Don Bosco se jkun qed jibbenefika wkoll minn ko-finanzjament tal-proġett mill-Unjoni Ewropea taħt Priority-Axis 4 tal-Operational Programme I Cohesion Policy 2007-2013.
Il-Priority Axis 4 jirrigwarda l-mitigazzjoni u l-adattazzjoni għat-tibdil tal-klima bil-Programm Operattiv I jara li jiġu implimentati miżuri li jimmitigaw ir-riskji miġjuba mit-tibdil fil-klima, u miżuri li jnaqqsu l-emissjonijiet fl-arja mill-ġenerazzjoni tal-elettriku.
Biex l-organizzazzjoni li tmexxi l-Oratorju Don Bosco f’Għawdex tkun qed tagħmel il-parti tagħha installat sistema ta’ 85 panella foto-voltaika ta’ 20Kwp li se jipproduċu kwazi l-enerġija kollha ikkunsmata minn dan iċ-ċentru. Il-proġett mhux biss se jgħin lil-Oratorju jnaqqas l-ispejjeż marbuta mal-konsum tal-elettriku, iżda se jkun qed jgħin ukoll biex jintlaħqu l-miri tal-Gvern fejn jidħol it-tnaqqis tal-emissjonijiet.
Chris Said qal li minbarra l-fond ta’ ko-finanzjament, il-Gvern qed jara li, permezz tal-MEUSAC, għaqdiet mhux governattivi isibu l-għajnuna kollha biex jidentifikaw programmi tal-Unjoni Ewropea li jistgħu jibbenefikaw minnhom, u jifformulaw applikazzjonijiet li jwasslu għall-finazjament ta’ proġetti utli kemm għall-istess għaqdiet, u kif ukoll għas-soċjetà.
Il-Ministru Said qal li, bl-għajnuna tal-MEUSAC, bejn Novembru 2008 u Ottubru 2012 ibbenefikaw 4 għaqdiet mhux governattivi f’Għawdex u 42 f’Malta bit-total tal-istess proġetti jitla’ għal aktar minn 5 miljun Ewro.
Chris Said faħħar l-inizzjattiva tal-Oratorju Don Bosco mhux biss f’dan il-proġett partikolari, imma wkoll għax-xogħol li din l-għaqda tagħmel fis-soċjetà, partikolarment fis-settur taż-żgħażagħ. Il-missjoni tal-Oratorju Don Bosco hija l-formazzjoni ħolisitika taż-żgħażagħ, u fil-preżent, kull ġimgħa jilqa’ fih madwar 500 persuna fl-età bejn it-13 u l-25 sena, għal laqgħat soċjali, formattivi, edukattivi u kulturali.
Għal din l-inawgurazzjoni kienu preżenti wkoll, fost l-oħrajn, l-Isqof t’Ghawdex l-E.T. Mario Grech u d-direttur tal-Oratorju Don Bosco Rev Eiffie. Masini.
Stqarrijiet Oħra:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en