BEJN NOVEMBRU 2012 U FRAR 2013 SE JITĦAWLLU MAD-9,000 SIĠRA
Permezz tal-Kampanja 34U bejn Novermbru 2012 u Frar tas-sena 2013 se jkunu tħawwlu mad-9,000 siġra b’nofshom se jitħawwlu fil-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn. Dan ħabbru l-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino waqt li llum żar it-Tree Planting day li ttelgħet f’Għajn Tuffieħa.
Is-sit fejn ġiet organizza it-Tree Planting Day li għaliha attendew mijiet ta’ familji issa jilqa fih mal-4,000 siġra. B’hekk permezz tal-kampanja 34U minn mindu inbdiet fl-2004 sa’ Frar 2013 se jkunu tħawwlu mal-124,000 siġra indiġena bħal ma huma is-siġar taż-żebbuġ, l-għargħar, siġar tal-luq, tal-ħarrub, u tal-ballut fost oħrajn. B’dawn is-siġar jisebbaħ pajjiżna, jitħares l-ambjent u s-saħħa tat-tfal u l-familji.
L-aktar 6 postijiet li fihom tħawwlu siġar permezz tat-34U huma f’Ta’ Qali b’ammont li jaqbeż l-20,000 siġra, is-Salina fejn tħawwlu aktar minn 12,000, Xrobb l-Għagin b’aktar minn 14,500, il-Magħtab b’madwar 13,000 siġra, fil-Mellieha tħawwlu ‘l fuq minn 11,000, filwaqt li f’Marsaskala tħawwlu qrib l-10,000 siġra.
Permezz ta’ tħawwil ta’ aktar siġar żdiedu l-postijiet ta’ rikreazzjoni biex it-tfal u l-familji jiltaqgħu u jilagħbu f’ambjent tajjeb għal saħħithom. Dawn jinkludu:
il-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali fejn saru erba’ estensjonijiet u se jkompli jitkabbar,
il-Park Nazzjonali tas-Salini fejn fl-aħħar snin ġie msebbaħ u estiż b’aktar siġar,
Park fi Xrobb l-Ġħaġin f’Marsaxlokk,
Masġar tas-siġar taż-Żebbuġ f’San Ġwann,
Foresta 2000 fil-Mellieħa,
Il-Park tal-Majjistral fil-Mellieħa,
Ġnien Kottonera f’Bormla,
Camping Area b’ 4,000 siġra f’Għajn Tuffieħa
Is-siġar li se jitħawwlu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se jitħawwlu fil-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn, fil-Park tal-Familja fil-Mellieħa, fil-Park ta’ Xrobb l-Għaġin f’Marsaxlokk u fl-aħrax tal-Mellieħa. Fost il-kumpaniji u għaqdiet li qed jikkontribwixxu biex dan isir hemm: Calamatta Cuschieri & Co. Ltd, Jolly Limited, Tip Top Sports, Malta International Airport, Sunlife Style Resorts Ltd. - Eden Lifestyle, St Joseph School Blata l-Bajda, ,Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, Vivian Corporation ltd, u De La Rue.
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali jirringrazzja lil dawn il-kumpaniji, skejjel u għaqdiet, flimkien ma mijiet ta’ familji li qed jagħżlu li jħawwlu siġra permezz ta’ waħda mill-iskemi tal-kampanja 34U. kull min ikun jixtieq li jħawwel siġra u għal aktar informazzjoni dwar il-kampanja 34U wieħed jista’ jżur is-sit www.mrra.gov.mt jew issieħeb fil-paġna tat-34U fuq Facebook jew iċempel fuq in-numru 22922333.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en