Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-INTERN

pr2406
Date Icon 01/11/2012

L-Oppożizzjoni tikkontradiċi lilha nnfisha dwar l-ingaġġ ta’ uffiċjali korrettivi

Il-Ministeru tal-Intern jirreferi għall-konferenza tal-aħbarijiet mogħtija llum mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Michael Falzon.

L-Oppożizzjoni llum ippruvat tħawwad l-imħuħ dwar il-ħidma li ssir fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin bi stqarrijiet li jikkontradixxu lil xulxin waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet. Jidher ċar li l-Oppożizzjoni qed tinqeda b’informazzjoni li mhix korretta biex tipprova titfa’ dubju fuq l-operat tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Filwaqt li l-Onor. Falzon ikkritika lill-Awtoritajiet tal-Ħabs għan-nuqqas ta’ gwardjani f’ċertu diviżjonijiet, fl-istess nifs ikkritika wkoll lill-Gvern talli beda l-proċess biex jingaġġja gwardjani ġodda u pprova jdaħħal dubji fis-serjetà tal-proċess.

Huwa importanti li wieħed jifhem li t-tisħiħ tar-riżorsi umani fil-Faċilità huwa parti integrali mir-riforma tal-Gvern fil-qasam tal-Ġustizzja Kriminali li laħqet il-qofol tagħha bid-dħul fis-seħħ tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi. Dan wassal għat-twaqqif tal-Bordijiet mitluba mill-istess liġi kif ukoll il-ħolqien tad-Dipartiment tal-Probation u l-Parole, separat mid-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi u l-ingaġġ ta’ numru sostanzjali ta’ uffiċjali ikkwalifikati fi ħdanu. Għalhekk l-istqarrija tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni li l-ispiża fuq l-aspett riformattiv naqset ma tistax tittieħed bis-serjetà.

L-argument li qed juża l-Partit Laburista li is-sistema tal-parole m’hijiex qed taħdem juri biċ-ċar li l-Oppożizzjoni m’għandha ebda idea dwar kif din taħdem jew x’inhuma l-għanijiet tagħha. L-Onor. Falzon imissu jaf li t-tħaddim tas-sistema tal-parole mhuwiex ibbażat sempliċiment fuq it-tul ta’ żmien li priġunier ikun qatta ġewwa l-ħabs jiskonta s-sentenza, izda jiddependi wkoll fuq kemm kull priġunier individwali ikun mexa mal-care plan tiegħu biex b’hekk jirriforma ruħu fuq tul ta’ żmien. It-tnaqqis fir-reċidività u r-riforma tal-priġunieri huma l-għanijiet ewlenin tal-Ġustizzja Riparatriċi li dan il-Gvern ġab fis-seħħ. Minn kliemha, l-Oppożizzjoni qed turi biċ-ċar li ma temminx fl-aspett riformattiv tal-parole iżda tara din is-sistema biss bħala mezz li bih il-priġunieri jinħelsu kmieni mill-ħabs mingħajr ma neċessarjament ikunu rriformaw ruħhom, b’detriment għalihom u għas-soċjetà.

L-Onor Falzon naqas li jagħmel referenza għat-tisħiħ fl-istrutturi maniġerjali fil-Faċilità innifisha li diġa seħħ bl-ingaġġ ta’ maniġers li jirrispondu lid-Direttur, kif ukoll għall-proċess ta’ reklutaġġ li għaddej bħalissa biex il-Faċilità jkollha iżjed ħaddiema fi professjonijiet u dixxiplini li se jkollhom rwol ċentrali fl-implimentazzjoni tar-riformi li ġieb miegħu l-Att Dwar il-Ġustizzja Riparatriċi. Il-proċess biex jiġu ingaġġati uffiċjali korrettivi ġodda u ta’ livell għoli fil-Ħabs huwa l-pass importanti li jmiss f’din ir-riforma. Dan qed jitmexxa b’mod serju b’rispett assolut lejn ir-regolamenti tal-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku.  Fil-fatt, u għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet imressqa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni, il-maniġment tal-Ħabs huwa adegwament rappreżentat fil-bord tal-għażla tal-gwardjani l-ġodda. Allaħares niġu fi stat li biex kif donnu qed jagħti x’jifhem l-Onor Falzon, biex il-proċess jitqies serju kull kap ta’ Dipartiment ikollu jippresedi huwa nnifsu kull reklutaġġ, anke jekk bħal f’dan il-każ fl-aktar livell baxx, li jsir fid-Dipartiment tiegħu.

L-allegazzjoni tal-Onor. Falzon li t-taqsima tas-SATU ilha magħluqa għal aktar minn sena wkoll ma tikkorispondix mal-fatti. L-aħħar residenti li kienu hemm ħallew din it-taqsima f’Marzu ta’ din is-sena. Minn dak iż-żmien fis-SATU beda għaddej xogħol ta’ restawr tal-post mill-qiegħ, inkluż il-bdil tas-servizzi. Dan ix-xogħol issa wasal fi stadju avvanzat u t-taqsima tkun tista terġa tibda tintuża fi ftit ġimgħat oħra.

Għar-rigward ta’ xiri u użu ta’ fondi pubbliċi, il-Faċilità timxi bil-proċeduri u regolamenti stabbiliti ċentralment mill-Gvern u ma tistax tagħmel mod iehor għax hija suġġetta għal awditjar mill-awtoritajiet pertinenti.  L-Onor. Falzon jagħti l-impressjoni li x-xiri kollu jrid isir wara sejħa għall-offerti.  Dan ovvjament mhux il-każ bħal ma jaf kull min hu ftit familjari mar-regolamenti finanzjarji relevanti.  Li hu żgur huwa li f’kull każ, l-Amministrazzjoni tal-Faċilita timxi invarjabilment skont ir-regola

Minn stħarriġ li sar ma jirriżultax li Faċilità ħallset xi ċitazzjoni ta’ xi impjegat li kien qed issuq vettura tal-Faċilità stess. Irid jingħad li meta ikun hemm każijiet ta’ ċitazzjonijiet dawn jew jiġu kkontestati quddiem it-tribunali reġjonali jew issir petizzjoni lill-bord kkonċernat jew titħallas mill-individu li jkun wettaq l-infrazzjoni.

Finalment, hija tassew ħasra, li fl-interess tas-sensazzjonaliżmu u biex tpinġi kollox iswed, li l-Oppożizzjoni għal darb’oħra għażlet li tarmi s-suċċessi li jirreġistraw il-gwardjani tal-ħabs fil-ġlieda kontra d-dħul tad-droga fil-ħabs – suċċessi li wasslu biex 12–il persuna jitressqu l-Qorti talli ppruvaw idaħħlu oġġetti pprojbiti fil-ħabs, b’10 minn dawn ikunu każi ta’ droga, bl-aħħar wieħed ikun biss ftit jiem ilu.  Il-ħaddiema li jagħmlu xogħolhom b’tant skruplu u sagrifiċċju żgur jixirqilhom aħjar.

Huwa ta’ għajb li l-Oppożizzjoni qed tkompli tipprova ddawwar dan is-settur f’ballun politiku. Minflok tagħti proposti konkreti u kostruttivi, l-Oppożizzjoni qed tinsisti li titfa’ t-tajn għal skopijiet purament partiġġjani. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Imnedija l-Iskema Familja+ b’investiment ta’ €4.7 miljun li mistennija tilħaq madwar 7,000 tifel u tifla

PR262026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  Minister Silvio Schembri opens Tech Xpo and launches Malta’s AI Strategy 2.0

PR262025en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

Aktar Stqarrijiet Right arrow