KOLLOKJU TAL-ASSOĊJAZZONI EWROPEA TAL-MEMBRI PARLAMENTARI ANZJANI TAL-ISTATI MEMBRI TAL-KUNSILL TAL-EWROPA
L-Assoċjazzoni Ewropea tal-Membri Parlamentari Anzjani tal-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa laqgħet l-istedina li saritilha mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Membri Parlamentari Anzjani ta’ Malta sabiex il-Kollokju ta’ kull sentejn tal-Assoċjazzjoni Ewropea jitlaqqa’ għall-ewwel darba ġewwa Malta. Dan il-Kollokju se jiltaqa’ nhar il-Ġimgħa, 2 ta’ Novembru 2012, ġewwa l-lukanda Grand Hotel Excelsior fil-Furjana, bejn id-9:30 ta’ filgħodu u l-5 ta’ wara nofsinhar.
It-tema tal-Kollokju hija L-Appoġġ meħtieġ matul il-Proċessi Demokratiċi Transitorji fin-Nofsinhar tal-Mediterran u fil-Lvant Nofsani. F’għeluq il-Kollokju, id-delegati li se jipparteċipaw, u li se jiġu Malta minn tlettax-il pajjiż differenti tal-Kunsill tal-Ewropa, fosthom minn Malta, se jaddottaw id-Dikjarazzjoni ta’ Malta dwar l-istess suġġett. Kemm il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija, l-Professur John Rizzo Naudi, kif ukoll is-Segretarju tal-istess Assoċjazzjoni, is-Sur Lino DeBono, se jindirizzaw lill-udjenza matul il-jum. L-iSpeaker tal-Parlament Malti l-Onorevoli Michael Frendo se jagħti bidu għal dan l-avveniment billi se jagħmel l-indirizz ewlieni meta jiftaħ il-Kollokju nhar il-Ġimgħa filgħodu.
L-Uffiċċju tal-iSpeaker Malti, bil-kollaborazzjoni tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura, flimkien mal-Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, ħejjew programm varjat għall-okkażjoni tal-Kollokju f’Malta, bil-għan li l-Membri Parlamentari Anzjani barranin li se jieħdu sehem ikollhom l-opportunità li jgawdu wkoll mill-wirt nazzjonali ta’ rikkezzi naturali, artistiċi u kulturali li bihom mogħnija l-Gżejjer Maltin.
Dan il-Kollokju huwa attività oħra mis-sensiela ta’ attivitajiet mnedija tnax il-xahar ilu meta, fuq l-inizjattiva tal-iSpeaker Michael Frendo, il-Parlament ta’ Malta beda jfakkar id-90 Anniversarju minn mindu ġie inawgurat l-ewwel Parlament Malti taħt il-Kostituzzjoni ta’ Amery Milner b’laqgħa konġunta bejn is-Senat u l-Assemblea Leġiżlattiva Maltin nhar l-1 ta’ Novembru tal-1921.
Stqarrijiet Oħra:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en