Left arrow Mur Lura

INVESTIMENT TA’ MADWAR €5MILJUN FI PROĠETT TA’ RIĠENERAZZJONI FIŻ-ŻEWWIEQA

pr2397
Date Icon 31/10/2012

Il-proġett ta’ riġenerazzjoni fl-inħawi taż-Żewwieqa huwa stmat li ser jiswa madwar €5miljun. 85% ta’ din l-ispiża ser tkun ko-finanzjata mill-Fond għal Żvilupp Reġjonali tal-Unjoni Ewropea (ERDF) taħt il-Programm Operattiv 1, Politika ta’ Koeżjoni 2007 – 2013 filwaqt li l-15% l-oħra ser jintefqu minn fondi nazzjonali. L-għan ewlieni ta’ dan il-proġett huwa marbut mal-objettivi tal-Ministeru għal Għawdex li jfittxu titjib kontinwu tal-prodott turistiku Għawdxi permezz tat-tisħiħ ta’ faċilitajiet eżistenti u żieda fl-attrazzjonijiet turistiċi li toffri l-gżira ta’ Għawdex. 

L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, dalgħodu għamlet żjara fuq il-post fejn setgħet ukoll issegwi x-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa li jinkludu  pavimentar tal-pjazza u l-inħawi fiż-żona qrib triq ix-xatt, bini ta’ ħitan tas-sejjiegħ tul il-medda tal-proġett kif ukoll kontinwazzjoni tax-xogħlijiet fin-naħa fejn inbnew faċilitajiet sanitarji ġodda u parkeġġ li ser ikun jesa’ madwar 70 vettura.

Dan il-proġett estensiv ikopri madwar 18,000 metru kwadru ta’ art tul il-medda ta’ madwar 700 metru maġenb il-kosta.  Periti u uffiċjali oħra li qed jaħdmu fuq dan il-proġett spjegaw kif ix-xogħol li sar sa issa kien wieħed intensiv li kien jinkludi skavar, kostruzzjoni tal-parkeġġ u faċilitajiet sanitarji kif ukoll lqugħ għall-ħażna tal-ilma tax-xita u ppjantar ta’ dik li ser tkun żona pedonali u rikreazzjoni għat-tgawdija ta’ dawk kollha li jżuru dawn l-inħawi. Ġiet ristrutturata l-pjazza li madwara hemm numru ta’ ristoranti u stabilimenti tax-xorb kif ukoll għadd ta’ garaxxijiet għall-użu tas-sajjieda li joperaw mill-port. 

L-Onor. Giovanna Debono fissret kif dan il-proġett ser ikun qed jikkumplimenta proġetti li saru qabel, li kienu jinkludu fost l-oħrajn il-bini tat-terminal tal-Imġarr u l-bini mill-ġdid tat-triq mill-Imġarr sar-Rabat. Żiedet tgħid li ż-Żewwieqa Waterfront ser ikun qed jikkontribwixxi f’diversi aspetti soċjo-ekonomiċi u b’hekk jgħin ukoll biex jintlaħqu l-miri ta’ żvilupp sostenibbli għal gżira ta’ Għawdex.

Ix-xogħlijiet marbuta maż-żona pedonali li tkopri l-medda tal-kosta f’dawn l-inħawi jinkludu l-ħolqien ta’ spazji speċifiċi minn fejn wieħed jista’ jieqaf u jgawdi l-veduti pittoreski tal-inħawi. Spazju partikolari ser jiġi riżervat biex tiġi esebita dik li hi l-unika dgħajsa tal-Latini li għad fadal f’Għawdex. Ix-xogħol li għad fadal jinkludi l-konklużjoni tax-xogħlijiet fil-parkeġġ u l-faċilitajiet sanitarji ġodda, il-pavimentar u bini ta’ ħitan tas-sejjiegħ tul iż-żona pedonali kif ukoll l-installazzjoni ta’ sistemi ta’ dwal u għamara oħra tat-triq li jikkumplimentaw ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ u riġenerazzjoni estensiva li jinvolvi dan il-proġett.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Imnedija l-Iskema Familja+ b’investiment ta’ €4.7 miljun li mistennija tilħaq madwar 7,000 tifel u tifla

PR262026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  Minister Silvio Schembri opens Tech Xpo and launches Malta’s AI Strategy 2.0

PR262025en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

Aktar Stqarrijiet Right arrow