KONFERENZA DWAR ID-DIPRESSJONI TA’ WARA T-TWELID F’GĦAWDEX
Twelditli Tarbija...Għaliex Minix Ferħana? kienet it-tema ta’ konferenza li ġiet organizzata bil-għan li tkabbar l-għarfien dwar id-dipressjoni ta’ wara t-twelid. Il-konferenza ttellgħet dalgħodu mill-Assoċjazzjoni Għawdxija dwar is-Saħħa Mentali bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex, fl-Iskola Primarja tax-Xewkija.
Waqt id-diskors li permezz tiegħu fetħet din il-konferenza, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, faħħret l-inizjattiva u l-ħidma ta’ din l-assoċjazzjoni li llum saret punt ta’ riferiment validu fil-qasam tas-saħħa mentali f’Għawdex. Hija tenniet li l-Ministeru għal Għawdex ser ikompli jsostni l-ħidma ta’ din l-assoċjazzjoni għax hija ta’ kontribut siewi fl-impenn tal-gvern biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja fil-gżira ta’ Għawdex. Dan anke fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni EkoGħawdex li jfittex li jikseb livelli ta’ żvilupp sostenibbli b’mod ħolistiku f’setturi diversi li jolqtu mill-qrib u jaffettwaw il-kundizzjonijiet ta’ ħajja ta’ dawk li jgħixu fuq il-gżira.
Dr Anton Grech, Chairman tas-Servizzi tal-Psikjatrija tal-Istat introduċa l-konferenza. Kelliema oħra kienu jinkludu lill-qabla Josephine Cefai li tkellmet dwar il-bidla bijoloġika qabel u wara l-ħlas, il-Psikjatra Dr Ethel Felice dwar id-dipressjoni ta’ waqt u wara t-tqala u l-impatt tagħha fuq il-mara u l-familja, u l-Kap tad-Dipartiment tal-Qwiebel fil-Fakultà tax-Xjenza tas-Saħħa fl-Università ta’ Malta Dr Rita Borg Xuereb li tkellmet dwar is-saħħa mentali tul it-tqala u wara. Sar intervent ukoll mis-Social Worker f’Dar Ġużeppa Debono, is-Sa. Nancy Portelli u minn żewġ ommijiet li rrakkuntaw l-esperjenza tagħhom meta għaddew mid-Dipressjoni ta’ wara t-tqala. Is-Sinjura Pauline Camilleri, President tal-Assoċjazzjoni Għawdxija dwar is-Saħħa Mentali kkonkludiet il-konferenza.
Il-programm kien jinkludi wkoll silta artistika ta’ żifna kontemporanja relatata mas-suġġett mis-Sinjorina Melanie Zammit akkumpanjata mill-pittur Paul Falzon.
Fis-sentejn li ilha mwaqqfa, l-Assoċjazzjoni Għawdxija għas-Saħħa Mentali tellgħet diversi attivitajiet fosthom konferenza dwar is-saħħa mentali tat-tfal u l-adoloxxenti, programm ta’ prevenzjoni indirizzat speċifikament għall-istudenti tal-aħħar tliet snin tal-edukazzjoni primarja, tqassim ta’ informazzjoni dwar problemi fis-saħħa mentali u esklużjoni soċjali fil-pjazez ewlenin u stabbilimenti kummerċjali fil-belt Victoria kif ukoll screening tal-film A Beautiful Mind segwit b’diskussjoni. L-Assoċjazzjoni qassmet ukoll ktejjeb f’kull dar f’Għawdex b’informazzjoni dwar servizzi relatati mal-qasam tas-saħħa mentali u tagħrif ġenerali ieħor.
Stqarrijiet Oħra:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en