FTEHIM BEJN IL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL U L-ENGLISH SPEAKING UNION
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina assistiet għall-iffirmar ta’ ftehim bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-fergħa Maltija tal-English Speaking Union biex ikomplu jingħataw sessjonijiet ta’ tagħlim tal-Ingliż fi tliet programmi differenti mmexxija mill-English Speaking Union.
Il-Ftehim kien iffirmat minn James Calleja, Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u John Degiorgio, Chairman tal-English Speaking Union, fl-iskola Primarja ta’ Ħaż-Żabbar fejn bħalissa qed jingħataw wieħed minn dawn il-programmi – Arm of Support.
F’kelmtejn li għamlet il-Ministru Dolores Cristina fakkret li f’survey li sar riċentement fost studenti Ewropej, l-istudenti Maltin ġew it-tieni għall-ħila tagħhom fl-użu tal-Ingliż bħala l-ewwel lingwa barranija tagħhom. Dan hu frott tal-fatt li fl-iskejjel tagħna, it-tfal jibdew jistudjaw l-Ingliż minn età bikrija.
Dan ir-riżultat jista’ jkompli jitjieb u għalhekk il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol jieħu kull opportunità biex jassigura li t-tagħlim tal-lingwi, partikolarment l-Ingliż, ikompli jissaħħaħ fl-iskejjel tagħna.
Il-kollaborazzjoni bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoniu x-Xogħol u l-English Speaking Union li bdiet żmien ilu, se tkompli tissaħħaħ permezz tal-ftehim li kien iffirmat illum li se jipprovdi għal numru ta’ programmi u inizjattivi li l-ESU se tagħmel fl-iskejjel tal-Istat.
Wieħed mill-programmi imsejjaħ Arm of Support għandu l-iskop li permezz tal-logħob jintroduċi t-tfal għal-lingwa Ingliża minn età żgħira. Il-programm jiffoka fuq żoni fil-komunitajiet fejn l-Ingliż ma jintużax. Dan il-programm beda fl-2009 u fl-aħħar tliet snin kien qed isir f’din l-iskola u fl-iskola ta’ Santa Monika fil-Gzira.
L-esperjenza uriet li l-programm jista’ jagħti riżultati aħjar jekk flok it-tfal jieħdu sehem fih għal sena waħda, jagħmlu tliet snin li jibdew minn Kinder 1, Kinder 2 u Year 1.
Inizjattiva oħra hi il-Public Speaking Programme maħsub biex jgħin lill-istudenti jiksbu ħiliet li jgħinuhom jitkellmu tajjeb fil-pubbliku. Fis-snin li għaddew il-programm kien qed jiffoka fuq sudenti tas-Sixth Form iżda issa se jkun estiż ukoll għall-istudenti tal-iskejjel sekondarji u anke fl-Università.
Id-Debating Programme ukoll kien iffukat fuq studenti tas-sekondarja biex ikunu kapaċi jiddiskutu u jagħmlu dibattitu fuq suġġetti varji. Hu importanti li l-istudenti tagħna jkunu kapaċi jiddibattu u mhux jargumentaw.
Bil-ftehim iffirmat il-lum, il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol se jgħin finanzjarjament biex dawn il-programmi jkunu jistgħu jibqgħu għaddejjin għat-tliet snin li ġejjin.
Fil-fatt hemm il-ħsieb ukoll li d-Debating Programme ikompli jkun żviluppat, hemm il-ħsieb li jkun organizzat dak li qed jissejjaħ Debate Roadshow bl-iskop li jżid l-interess tal-pubbliku fid-dibattiti. Għalhekk kull sena se jibda jkun organizzat Roadshow li jdur ma’ diversi bliet u rħula fejn ikunu organizzati dibattiti li fihom jieħdu sehem nies prominenti u fejn il-pubbliku in ġenerali jkun mistieden jipparteċipa.
Dan imbagħad għandu jwassal għall-Akkademja tad-Dibattitu b’kollaborazzjoni tal-English Speaking Union ta’ Londra. Din l-akkademja se tkun immirata lejn l-istudenti tas-Sixth Form u tal-Università u fiha jkun hemm programm intensiv ta’ taħriġ li jwassal għal kompetizzjoni prestiġjuża.
Stqarrijiet Oħra:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en