AKTAR KUMPANIJI ŻGĦAR IKOMPLU JSAĦĦU L-EKONOMIJA MALTIJA PERMEZZ TAL-INVESTIMENT U Ż-ŻIEDA FL-IMPJIEGI
B’aktar minn għoxrin sena ta’ suċċess, il-kumpanija Firetech li tipprovdi soluzzjonijiet ta’ sigurta għal tifi ta’ nar, kif ukoll protezzjoni permezz ta’ alarms, cctv cameras u ħwejjeg protettivi ,dalgħodu ingħatat iċ-ċertifikat MSA EN ISO 9001 mill-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji ż-Żghar u l-Konsumatur Jason Azzopardi.
ISO 9001 huwa ċertifikat ta’ standard rikonoxxut internazzjonalment ma’ ‘l fuq minn miljun organizazzjoni madwar id-dinja. Dan l-istandard jassigura illi l-kumpanija tkun ippreżentat livell għoli ta’ sodisfazzjon lill-konsumaturi tagħha, għaliex filfatt l-istandard jikkonċerna l-proċessi varji fi ħdan il-kumpanija illi jaffetwaw kemm il-prodott jew is-servizz li qed jiġi offrut. Dan iċ-ċertifikat, li jinħareġ mill-Awtorita’ għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur,huwa kkunsidrat bħala passaport ta’ prodotti u servizzi għall-esportazzjoni. Ħafna kumpaniji isibuha diffiċli sabiex jippenetraw fis-suq barrani mingħajr ma jkollhom tali ċertifkat .
Il-Ministru Azzopardi dalgħodu żar din il-kumpanija li fl-aħħar snin għamlet passi ta’ġgant f’dak li jirrigwardja kemm l-investiment kif ukoll fil-ħolqien ta’ aktar impjiegi. Il-Ministru spjega li l-kumpanija għarfet l-potenzjal tagħha sabiex din tikber u b’hekk setgħet toħloq l-impjiegi. Filfatt fl-aħħar sentejn biss l-kumpanija impjegat 15-il ħaddiema, sabiex b’kollox llum timpjega mal-50 ħaddiem. Il-kumpanija Firetech li toffri s-servizzi tagħha anki barra minn xtutna u tagħmel diversi xogħlijiet f’pajjizi fl-Afrika ta’fuq kif ukoll fil-Libya, bbenefikat ukoll minn € 35,000 f’Fondi Reġjonali tal-Unjoni Ewropea sabiex setgħat tixtri xi apparat bħal computers u printers, kif ukoll sabiex il-kumpanija setgħet timpjega Manager ġdid fl-uffiċju li għandha ġewwa l-Libya.
Il-Ministru Azzopardi saħaq li kumpanija bħalma hi Firetech, għandha sservi ta’ eżempju sabiex aktar kumpaniji jimxu fuq il-passi tagħha u b’hekk jagħmlu użu tajjeb mill-iskemi offruti kemm lokali kif ukoll f’livell Ewropew, biex b’hekk il-kumpaniji jkunu jistgħu jkomplu jsaħħu l-operat tagħhom u joħolqu aktar impjiegi.
Il-Ministru awgura wkoll lid-Diretturi tal-kumpanija għall-akwist taċ-ċertifikat ISO 9001.
Huwa qal li statistika tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal- Istandards (ISO), turi li aktar minn miljun organizazzjonijiet f’178 pajjiż kisbu din iċ-ċertifikazzjoni .Saħaq li f'Malta għandna madwar 370 kumpaniji ċċertifikati għal dan l-istandard internazzjonali. Spjega li r-riżultati ewlenin minn 42 studji xjentifiċi juru illi meta timplimenta dan l-Istandard, tabilħaqq negozju itejjeb il-prestazzjoni kompetittiva u finanzjarja tiegħu, billi jkun hemm żieda tal-bejgħ, u jitbaxxew l-ispejjes permezz ta' titjib tal-kwalità interna u tweġieba aħjar għall-problemi tal-kwalità. Huwa tenna li l-Ministeru li huwa responsabbli minnu, jappoġġja bis-sħiħ, l’adozzjoni ta' dan l-istandard speċjalment għall-intrapriżi żgħar u medji peress li dan jista’ jgħinhom f’rizultati finanzjarja aħjar. ISO 9001 hija wkoll ta 'spiss importanti għal dawn in-negozji sabiex jiżdied il-potenzjal li jesportaw.
Fi żmien qasir, l-Awtorita’għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, se tibda tipprovdi servizzi ta’ ċertifikazzjoni għal OHSA 18001 li huwa standard rikonoxxut internazzjonalment dwar l-immaniġjar tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol. Il-Ministru Azzopardi qal li dan huwa pass ieħor ‘l quddiem sabiex aktar kumpaniji jkunu ċertifikati bl-ogħla livell possibli u jiġu rikonoxxuti fuq skala internazzjonali.
Stqarrijiet Oħra:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en