SEMINAR TAL-ARTI MARZJALI FIL-KUMPLESS SPORTIV TA’ GĦAWDEX
Għat-tieni sena konsekuttiva, l-iskola tal-Arti Marzjali, Tenchi Ryu Karate Jutsu Gozo bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex qed tospita seminar internazzjonali ta’ tliet ijiem dwar l-Arti Marzjali li qed jinżamm fil-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex.
Is-seminar ġie inawgurat nhar is-Sibt li għadda b’sessjoni prattika dwar teknika ġdida għall-protezzjoni u d-difiża personali taħt it-tmexxija ta’ Master Borut Kincl, 7th Dan Blackbelt u Head Instructor tar-Ryukyu Kempo tas-Slovenja. L-attivitajiet issoktaw matul il-ġurnata tal-bieraħ fejn is-seminar ta’ din is-sena laħaq il-qofol tiegħu bil-parteċipazzjoni ta’ madwar mitt parteċipant minn membri ta’ skejjel oħra tal-karate minn madwar Malta u Għawdex, kif ukoll membri mill-Korp tal-Pulizija u tal-Forzi Armati ta’ Malta. Sessjoni oħra ta’ prattika minn Master Borut Kincl tikkonkludi dan is-seminar it-Tnejn filgħaxija.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex iltaqgħet mal-organizzaturi ta’ dan is-seminar li ilhom joffru sessjonijiet tal-Arti Marzjali fil-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex għal dawn l-aħħar 20 sena. Hija ferħitilhom għal ħidma siewja tagħhom b’risq il-qasam sportiv f’Għawdex u awgurat li jissoktaw b’aktar tagħlim u attivitajiet sportivi għat-tfal u ż-żgħażagħ Għawdxin. Il-Ministru Giovanna Debono rreferiet għall-investiment ta’ madwar €420,000 mill-Ministeru għal Għawdex, li permezz tiegħu qed isiru xogħlijiet estensivi ta’ ristrutturar u manutenzjoni, b’mod partikolari fuq is-saqaf u l-art tas-sala ewlenija fil-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex. Fissret kif ix-xogħlijiet jinsabu fil-fażi finali u b’hekk fi ftit ġimgħat oħra l-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex ser ikun qed joffri ambjent aktar modern u akkoljenti għat-tgawdija ta’ dawk kollha li jiffrekwentawh fosthom membri tal- Tenchi Ryu Karate Jutsu Gozo li jattendu b’mod regolari.
Minn nhar is-Sibt li ġej dan il-Kumpless Sportiv se jkun qed jilqa’ għadd ta’ parteċipanti żgħar għal edizzjoni oħra ta’ Skola Sport. Anke din is-sena tfal li jattendu l-iskejjel primarji minn madwar Għawdex kollu ser ikunu qed jipprattikaw id-dixxiplini rispettivi tagħhom f’dan il-programm sportiv fil-lezzjonijiet li jinżammu kull nhar ta’ Sibt.
Sadanittant bejn l-10 u l-11 ta’ Novembru li ġej, il-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex ser ikun qed jospita seminar ieħor dwar l-arti marzjali, din id-darba organizzat mill-Kali-JKD Martial Arts Academy Gozo.
Stqarrijiet Oħra:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en