AKTAR INVESTIMENT FL-ENERĠIJA NADIFA B’GĦAJNUNA MINN FONDI EWROPEJ MIS-SETTUR PRIVAT
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino illum żar il-kumpanija Muscats Motors Ltd, fejn żar l-investiment li għadha kif għamlet il-kumpanija biex tiġġenera enerġija nadifa permezz ta’ sistema ta’ panelli fotovoltajiċi.
Ic-Chief Operating Officer is-Sur Hugh Mercieca, iddeskriva x-xogħol li sar fuq din is-sistema bħala investiment fl-ambjent u fis-saħħa tan-nies u l-ħaddiema. Huwa spjega li din is-sistema ta’ panelli fotovoltajiċi għandha kapaċita li tiġġenera 53kW ta’ enerġija. Il-panelli fotovoltajiċi huma mifruxa fuq medda ta’ 940 metru kwadru ta’ art. L-investiment tal-kumpanija laħaq il-€160,000, b’għajnuna mill-Fond Ewropew għall-iżvillup reġjonali b’rata ta’ kofinanzjament ta’ 50%.
Il-Ministru Pullicino qal li aktar minn 270 sid ta’ negozju jew fabbrika gawdew bejniethom minn €16-il miljun f’għajnuniet permezz tal-Fondi Ewropej biex jinvestu f’sistemi ta’ enerġija alternattiva u effiċjenti. Fl-istess ħin huwa fakkar li l-Gvern mill-2006 sa’ llum għen 6,200 familja li nvestew f’sistema ta’ panelli fotovoltajiċi u introduċa feed in tariff fejn għal kull unit ta’ enerġija ġġenerat mill-pannelli fotovoltajiċi il-familji Maltin qed jingħataw 25 ċenteżmu ta’ ewro filwaqt li l-familji Għawdxin bdew jingħataw 28 ċenteżmu għal kull unit iġġenerat. Għas-settur privat ir-rata hi ta’ 20 ċenteżmu. Ma’ dawn il-Gvern għen biex 7,600 familja installaw Solar Water heater u biex 610 familja installaw double glazing jew roof insulation. L-iskema li toffri għajnuna fuq double glazing u roof insulation għadha miftuħa. Il-Gvern ukoll qed jagħmel il-parti tiegħu u bħalissa 67,000 metru ta’ soqfa ta’ bini pubbliku qed jinksew b’sistemi ta’ panelli fotovoltajiċi. Il-Ministru Pullicino ħabbar li nbeda l-proċess biex 40,000 metru kwadru ieħor ta’ soqfa ta’ bini pubbliku ukoll jinksew b’panelli fotovoltajiċi.
Il-Ministru Pullicino irringrazzja lill-Management ta’ Muscats Motors Ltd u faħħar lil din il-kumpanija li għarfet tinvesti f’apparat li jiġġenera enerġija b’mod nadif li twassal biex f’pajjiżna jkollna aktar arja nadifa u ngawdu minn livell ta’ saħħa u ħajja aħjar.
Stqarrijiet Oħra:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en