KAMPANJA TA’ TĦAWWIL TA’ SIĠAR FI TMIEM IL-ĠIMGĦA
Il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali l-Ħadd 4 ta’ Novembru se jorganizza ġurnata ta' attivitajiet f'Għajn Tuffieħa (ħdejn il-camping site tal-iscouts) bil-għan li jitħawlu aktar siġar permezz tal-kampanja 34U. Il-familji huma mistiedna biex bejn l-10am u l-5pm jipparteċipaw fl-attivitajiet varji li se jkun hemm għat-tfal u l-familja kollha filwaqt li jitħawlu s-siġar.
Permezz tal-kampanja 34U li qed jagħmel il-Gvern, sa issa diġà tħawlu aktar minn 115,000 siġra. Is-siġar kollha li tħawlu madwar il-pajjiż permezz tat-34U huma kollha siġar indiġeni Maltin bħas-siġar taż-żebbuġ, l-għargħar, siġar tal-luq, tal-ħarrub, u tal-ballut. Minn kemm ilha mwaqqfa l-kampanja 34U kumpanji, għaqdiet soċjali u mhux governattivi u l-familji pparteċipaw bis-sħiħ u ħawlu siġra biex jikkomemoraw xi avveniment partikolari. Il-kampanja 34U tipprovdi diversi skemi fejn il-familji jkunu jistgħu jħawlu siġar f'okkażjonijiet ta’ twelid taħt il-kampnja 34baby, f'okkażjoni ta’ gradwazzjoni taħt il-kampnja 34graduate u tant oħrajn. Kull min iħawwel siġra flimkien mat-tag li titwaħħal mas-siġra bl-isem li jkun jixtieq, jingħata ċertifikat b'ritratt tiegħu iħawwel is-siġra.
L-aktar 6 postijiet li fihom tħawlu siġar permezz tat-34U huma f’Ta’ Qali b’ammont li jaqbeż l-20,000 siġra, is-Salina fejn tħawlu aktar minn 12,000, Xrobb l-Għagin b’aktar minn 14,500, il-Magħtab b’madwar 13,000 siġra, fil-Mellieħa tħawlu ’l fuq minn 11,000, filwaqt li f’Marsaskala tħawlu qrib l-10,000 siġra.
Permezz ta’ tħawwil ta’ aktar siġar żdiedu l-postijiet ta’ rikreazzjoni biex it-tfal u l-familji jiltaqgħu u jilagħbu f’ambjent tajjeb għal saħħithom. Dawn jinkludu:
Il-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali fejn saru erba’ estensjonijiet u se jkompli jitkabbar
Il-Park Nazzjonali tas-Salini fejn fl-aħħar snin ġie msebbaħ u estiż b’aktar siġar
Park fi Xrobb l-Ġħaġin f’Marsaxlokk,
Masġar tas-siġar taż-Żebbuġ f’San Ġwann,
Foresta 2000 fil-Mellieħa
Il-Park tal-Majjistral fil-Mellieħa
Ġnien Kottonera f’Bormla
Camping area bi 3,000 siġra f’Għajn Tuffieħa
Dan kollu qed isir biex il-familji jgħixu aħjar b’aktar spazju rikreativ u b’arja aktar nadifa. Il-proġett nazzjonali ta’ afforestazzjoni hu investiment għal ġid ta’ saħħet it-tfal u l-familji.

Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en