GĦAWDEX IFAKKAR JUM IT-TRAĠEDJA
F’Għawdex ġie mfakkar l-64 anniversarju ta’ waħda mill-agħar traġedji tal-baħar li seħħew qrib Għawdex u li wasslet biex 24 persuna tilfu ħajjithom waqt vjaġġ traġiku bejn Malta u Għawdex fit-30 ta’ Ottubru tal-1948.
Din it-traġedja ġiet ikkommemorata waqt ċerimonja ppreseduta mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex abbord il-vapur MV Gaudos li mar fuq il-post fejn seħħet it-traġedja 64 sena ilu, ftit il-barra mill-Bajja taż-Żewwieqa. Iċ-ċerimonja kienet tinkludi quddiesa ċċelebrata mir-Rev. Mons Dr Joseph Sultana, Arċipriet tal-Għarb, bis-sehem tal-Kor Parrokkjali tal-Parroċċa tal-Għarb. Fi tmiem il-quddiesa saret ċerimonja qasira fuq l-istiva tal-vapur, fejn l-Onor. Giovanna Debono flimkien ma’ mistednin distinti u familjari ta’ wħud mill-vittmi, tefgħet il-fjuri fil-baħar fil-post fejn seħħet it-traġedja, bħala sinjal ta’ tifkira u rispett.
Bħal kull sena, l-Uffiċċju tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex qassam post-card kommemorattiva, it-tmien waħda fis-sensiela, li tfakkar traġedji differenti tal-baħar li seħħew madwar il-kosta tal-gżira Għawdxija. Il-post-card ta’ din is-sena ser tfakkar l-għarqa tal-vapur Ingliż, HMS Sultan li ġrat fl-1889.
Din id-diżgrazzja, li hija l-ikbar traġedja li seħħet f’Għawdex wara t-Tieni Gwerra Dinjija, ġrat meta luzzu mgħobbi bil-passiġġieri, fosthom żewġ pulizija u mara, flimkien ma’ żewġ membri ta’ l-ekwipaġġ, kienu telqu mill-Marfa għal Għawdex minkejja l-maltemp u l-baħar qawwi. Minn dak it-traġitt, li ntemm ħesrem qrib il-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien wara li l-luzzu nqaleb bil-mewġ qawwi, kienu biss erba’ passiġġieri li rnexxielhom isalvaw billi għamu sal-kosta.
It-tifkira ta’ din il-ġrajja, tiġi kkommemorata kull sena bi programm ikkordinat mill-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en