STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT
Stqarrija b'risposta għall-kummenti ta' Dott Muscat dwar il-qagħda finanzjarja ta' pajjiżna
Għal darb’oħra Dott Muscat jipprova jgħawweġ iċ-ċifri biex jimmiżinforma mingħajr ma jinkwieta ta’ x’effett jista’ jkollu fuq l-investiment u l-ħolqien tal-jobs.
Għal darb’oħra, Dott Muscat jaqbad ċifri għall-ewwel sitt xhur tas-sena u bihom jibni argumenti finanzjarji Ii ma jreġux. Dan għal diversi raġunijiet kif spjegat f okkażjonijiet oħra:
a) fl-ewwel sitt xhur tal-2012, il-valur tal-istocks laħaq il-455 miljun, jew 65% tal-ammont totali approvat għall-2012. Dan sar minħabba kundizzjonijiet aktar favorevoli tas-suq, u se jfisser li s-self tal-Gvern se jonqos fit-tieni nofs ta’ din is-sena.
b) parti sostanzjali mid-dħul tal-Gvern, b’mod partikolari f’dak li jirrigwardja t-taxxa tad-dħul, isir fit-tieni parti tas-sena.
c) in-nefqa tal-Gven fl-ewwel parti tas-sena kienet affettwata wkoll mill-investiment li sar fl-Air Malta skont il-pjan ta’ ristrutturar biex din terġa’ tqum fuq saqajha u lill-Enemalta, biex minkejja żidiet qawwija fil-prezz taż-żejt tkun tista’ ma tgħollix il-kointiijiet tad-dawl għall-familji, negozji u industrija. Dan barra investiment akbar fil-qasam tas-saħħa, b’mod partikolari għall-mediċini.
Tul is-sena kollha, il-Gvern baqa’ viġilanti biex jiżgura li jibqa’ fit-triq li jilħaq il-miri finanzjarji tiegħu. Filwaqt li bosta pajjiżi Ewropej qed jirrikoru għal miżuri qawwija ta’ awsterità biex jippruvaw jaslu għal defiċit ta’ anqas minn 3%, pajjiżna għalaq is-sena finanzjarja li għaddiet fuq livell ta’ 2.7% u l-mira tibqa’ li dan il-livell jerġa’ jitbaxxa anke fl-2012.
Dott Muscat jaf li pajjiżna llum qed jopera f’qafas finanzjarju ferm aktar strett u regolamentat mill-Unjoni Ewropea u jaf li l-aġir finanzjarju ta’ pajjiżna jiġi skrutinazzat mill-qrib. Filfatt, istituzzjonijiet internazzjonali bħall-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali aktar minn darba kkumentaw fuq it-titjib tal-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, fil-gimghat li ghaddew sahansitra ddeskriva lil Malta bhala ezempju ta' stabbilita finanzjarja fl-Unjoni Ewropea.
L-istabbilità finanzjarja tibqa’ kruċjali għat-tkattir tal-investiment u l-postijiet tax-xogħol.
Dott Muscat jipprova jġib l-istabbilità bi kliemu u jgerrex l-investituri u lil dawk li qed joħolqu x-xogħol.
Il-politika tal-Gvern tibqa’ dik ta’ tisħiħ tal-finanzi ta’ pajjiżna, waqt li jibqa’ jadotta l-inizjattivi ekonomiċi li qed jissarfu fi tkabbir ekonomiku, f’żieda fl--investiment, f’żieda fil-jobs u f’żieda fil-pagi għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en