Left arrow Go Back

XOGĦLIJIET ESTENSIVI GĦAT-TISĦIĦ TAS-SERVIZZI TAS-SAĦĦA F’GĦAWDEX

pr2363
Date Icon 26/10/2012

Fi ftit ġimgħat oħra mistenni jersaq lejn l-aħħar fażi tax-xogħlijiet proġett estensiv ta’ rsitrutturar fit-taqsima tal-kirurġija fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Dan ser iwassal biex jiġu mtejba b’mod konsiderevoli s-servizzi u l-faċilitajiet f’din it-taqsima kif ukoll f’żieda ta’ sala oħra tal-operazzjonijiet flimkien mat-tnejn li kien hemm qabel. Dan kollu ser ikun strumentali biex jiġu ntrodotti wkoll servizzi oħra ġodda f’dan l-isptar.

Il-proġett tar-ristrutturar fit-taqsima tal-kirurġija huwa parti minn proġett aktar wiesa’ li kien jinkludi ristrutturar u żieda fil-faċilitajiet fid-Dipartiment tar-Radjoloġija fl-istess sptar. Dan il-proġett wiesa’ qed isir b’investiment ta’ aktar minn €3.5 miljun ko-finanzjati mill-Fond tal-Unjoni Ewropea għall-Iżvilupp Reġjonali. Minbarra xogħol strutturali x-xogħlijiet kienu jinkludu fost ħwejjeġ oħra l-bdil tas-servizzi tad-dawl u l-ilma, kif ukoll l-installazzjoni ta’ sistema ġdida li tforni gassijiet mediċi li jaqdu diversi eżiġenzi u funzjonijiet skont il-ħtieġa tal-operazzjoni li tkun għaddejja. Ġiet mibdula kompletament is-sistema tal-arja kundizzjonata li kien hemm qabel filwaqt li l-ħitan inksew bi pjanċi taċ-ċomb qabel ma mbagħad reġgħu inksew b’materjal ieħor qabel ma jiġu rfinati.

L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex għamlet żjara fuq il-post fejn ingħatat aktar dettalji mill-Perit u l-Inġiniera li qed jaħdmu fuq dan il-proġett.  Huwa maħsub li fil-ġimgħat li ġejjin ikompli għaddej ix-xogħol li jinkludi fost ħwejjeġ oħra tkomplija ta’ tqegħid ta’ madum, xogħol ta’ żebgħa u installazzjoni ta’ aperturi u bibien oħra, il-kisi tal-art u s-saqaf. Dan iwassal għal fażi finali li matulha jiġi nstallat l-apparat ġdid u modern li nxtara bħala parti minn dan il-proġett. Iż-żieda fis-swali tal-operazzjonijiet ser twassal biex jiġu introdotti f’Għawdex is-servizz ta’ Endoscopy Unit filwaqt li se jżid il-faċilitajiet biex ikunu jistgħu jiġu mwettqa numru ta’ operazzjonijiet oħra.

Il-Ministru għal Għawdex żaret ukoll xogħlijiet oħra li wkoll għaddejjin f’numru ta’ kuriduri fl-istess sptar. Dan kien programm koordinat li beda ftit tas-snin ilu biex jinbidel is-suffitt il-qadim tal-isptar li kellu kontenut ta’ asbestos. Dan kien jirrekjedi investiment qawwi u xogħol koordinat skont proċeduri li jirrispettaw regolamenti internazzjonali marbuta mal-immaniġġjar u r-rimi ta’ dan il-materjal. Permezz tax-xogħlijiet li kienu għaddejjin f’dawn l-aħħar xhur tkompliet it-tneħħija tas-suffitt il-qadim filwaqt li ġew mgħoddija servizzi ġodda li jinkludu dawk li jfornu ilma sħun u kiesaħ u ilma tajjeb għax-xorb, sistema ta’ intelligent lighting u fire alarm. Dawn is-sistemi diġà ġew installati f’uħud mill-kuriduri filwaqt li qed ikompli x-xogħol f’kuriduri oħra. Inqalgħet l-art il-qadima li ġiet miksija b’madum ġdid filwaqt li twaħħlu twieqi u bibien ġodda tal-aluminju bi ħġieġ doppju li hu wkoll konformi ma’ prattiċi favur anqas konsum tal-enerġija.

Barraminhekk dan ix-xogħol ser ikun qed jikkumplimenta proġett ieħor li wkoll ser ikun ko-finanzjat bi kważi €3 miljun oħra minn fondi Ewropej li permezz tiegħu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ser tiġi installata Combined Heat and Power System (CHP) li taqdi funzjonijiet ta’ kundizzjonament tal-arja fi spazji magħluqa, tissupplixxi sistemi ta’ misħun permezz ta’ sistema aktar effiċjenti anke permezz tal-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltaiċi li jnaqqsu d-dipendenza fuq sistemi tradizzjonali li jużaw fossil fuels. Bħalissa għaddej xogħol biex is-sistemi l-ġodda li qed jiġu nstallati fil-kuriduri tal-isptar jiġu estiżi f’bini ieħor li jinkorpora l-isptar mentali u t-taqsima ġerjatrika tal-irġiel. B’hekk ser ikun qed jiġi mmassimmizzat il-potenzjal ta’ dawn il-proġetti li finalment ser jissarrfu f’sistemi effiċjenti, li jaħlu u jħammġu anqas u joffru servizzi aktar aġġornati u aktar kumdità.

Il-Ministru Giovanna Debono fissret kif ix-xogħol ta’ ristrutturar fil-kuriduri ser ikun qed jiswa investiment addizzjonali ta’ madwar €2 miljun u meta wieħed jgħaqqadhom ma’ dawk tal-proġetti ko-finanzjati minn fondi Ewropej isib li qed jirriżultaw f’xejn anqas minn €8.5 miljun f’temp ta’ ftit xhur. Dan jiżdied għal €10 miljun meta  wieħed iżid magħhom investiment ieħor ta’ €1.5 miljun li sar biex tissaħħaħ is-sistema diġitali li permezz tagħha r-riżultati mil-laboratorju u d-Dipartiment tar-Radjoloġija huma aċċessibbli mit-timijiet mediċi kemm fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kif ukoll fi sptarijiet f’Malta.

‘Dan kollu jixhed l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex b’risq il-qasam tas-saħħa f’Għawdex u l-impenn tal-Gvern li qatt ma xxaħħaħ ma’ dan il-qasam tant importanti għall-pajjiżna’, qalet il-Ministru Giovanna Debono.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Imnedija l-Iskema Familja+ b’investiment ta’ €4.7 miljun li mistennija tilħaq madwar 7,000 tifel u tifla

PR262026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  Minister Silvio Schembri opens Tech Xpo and launches Malta’s AI Strategy 2.0

PR262025en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

More Press Releases Right arrow