AĠĠORNAT IL-WEB PORTAL ISLANDOFGOZO.ORG TAL-ASSOĊJAZZJONI TAT-TURIŻMU GĦAL GĦAWDEX
“Għodda elettronika avvanzata hija essenzjali u indispensabbli biex il-prodott turistiku Għawdxi jkompli jiġi promoss bl-aħjar mod possibbli filwaqt li tiffaċilita wkoll l-għażla tat-turist.”
Dan qalitu l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex meta llum nediet l-ewwel fażi ta’ xogħol li permezz tiegħu ġie aġġornat il-web portal tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex (GTA), www.islandofgozo.org. Fil-messaġġ tagħha waqt attività li ttellgħet fil-Kappella storika ta’ Santa Ċeċilja f’Għajnsielem, il-Ministru għal Għawdex irreferiet ukoll għall-ħidma kontinwa tal-GTA li matul dawn l-aħħar 14-il sena ħadmet bi sħiħ b’risq is-settur turistiku Għawdxi. Hija faħħret id-deċiżjoni tal-GTA li ssaħħaħ is-sit elettroniku tagħha li ser ikun qed jipprovdi servizzi lill-membri kollha tagħha li lkoll huma stakeholders ewlenin li joffru servizzi turistiċi f’diversi oqsma f’dan is-settur.
Waqt din l-attività saret preżentazzjoni fejn ġie spjegat il-kunċett ewlieni li fforma l-bażi ta’ kif dan is-sit elettroniku ser ikun qed jipprovdi servizzi ta’ informazzjoni, reklamar u tagħrif siewi ieħor b’mod attraenti u aktar effiċjenti. Fl-ewwel fażi ta’ din l-inizjattiva ġiet aġġornata l-informazzjoni relatata ma’ Għawdex bħala gżira, kif ukoll informazzjoni relatata mad-diversi lokalitajiet Għawdxin u l-attrazzjonijiet rispettivi. Sar ukoll aġġornament tal-lista ta’ lukandi u restoranti, farmhouses u appartamenti, ċentri tad-diving u stabilimenti oħra li joffru servizzi turistiċi f’Għawdex. Barraminhekk, www.islandofgozo.org qed toffri wkoll informazzjoni dwar id-diversi attivitajiet kulturali li jittellgħu matul is-sena, li jistgħu jkunu wkoll ta’ attrazzjoni kemm għal-turisti barranin kif ukoll għal dawk li ġejjin mis-suq domestiku. F’dan l-istadju min juża s-sit isib id-dettalji kollha biex ikun jista’ jikkuntattja lill-operaturi turistiċi tal-għażla tiegħu kif ukoll mappa li tista’ twasslu fuq il-post.
Fit-tieni fażi li mistennija tiġi konkluża f’Jannar li ġej, dan il-portal mistenni jibda joffri wkoll il-faċilità li wieħed jibbukkja l-vaganza tiegħu fi stabbilimenti turistiċi f’Għawdex, direttament minn fuqu stess. Dan għandu wkoll potenzjal li jiġi estiż għal stabilimenti oħra minbarra dawk marbuta ma’ servizzi ta’ akkomodazzjoni.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en