Left arrow Go Back

IL-CORE GROUP TAL-MEUSAC JIDDISKUTI L-PROPOSTI MARBUTA MAL-ATT DWAR IS-SUQ UNIKU II U T-TKABBIR TAL-UNJONI EWROPEA

pr2361
Date Icon 26/10/2012

Fil-laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC, li saret il-Ġimgħa 26 t’Ottubru, ġiet diskussa l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fuq l-Att dwar is-Suq Uniku II imsejjaħ Flimkien għal tkabbir ġdid.  Dan id-dokument jiffoka fuq 12-il prijorità li jeħtieġ jiġu indirizzati biex jissaħħaħ is-Suq Uniku minħabba li għad hemm xi ostakli għall-moviment liberu ta’ “merkanzija, persuni, servizzi u kapital” (Art. 26 TFUE). Permezz tal-Att dwar is-Suq Uniku II, il-Kummissjoni Ewropea trid tpoġġi liċ-ċittadini aktar fiċ-ċentru tal-politika tal-UE billi tassiguralhom iktar għażla, kwalità aħjar u prezzijiet aħjar. Barra minn hekk, is-Suq Uniku joffri opportunitajiet kbar għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi – tant meħtieġa fil-kriżi li għaddejja minnha l-UE.

Fil-preżentazzjoni li saret minn Martin Spiteri, Direttur għall-Iżvilupp tal-Politika fil-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment, intqal li fl-UE, 23 miljun kumpanija għandhom aċċess għal 500 miljun konsumatur.  F’16-il sena, bejn l-1992 u l-2008, inħolqu ftit inqas minn 3 miljun impjieg u ġiet irreġistrata żieda ta’ 2.13% fil-Prodott Domestiku Gross (ekwivalenti għal €600 biljun fis-sena) grazzi għas-Suq Uniku.  Is-Sur Spiteri spjega l-4 oqsma importanti li jsawru l-Att dwar is-Suq Uniku II u li minnhom joħorġu t-12-il prijorità, li huma: it-trasport u l-enerġija; il-mobilità taċ-ċititadini u n-negozji; l-ekonomija diġitali; u t-tisħiħ tal-intrapriża soċjali, il-koeżjoni u l-kunfidenza tal-konsumaturi.  Temm jgħid li l-proposti mistennija jidħlu fis-seħħ sar-Rebbiegħa tal-2013.

Fid-diskussjoni, il-membri tal-Core Group qajmu xi punti, fosthom:

• L-isfidi li qed jiffaċċjaw in-negozjanti Maltin fis-Suq Uniku;

• Mingħajr ma jkun hemm protezzjoniżmu għan-negozji, l-istandards u r-regolamenti għandhom japplikaw fl-Istati Membri kollha bl-istess mod;

• Il-ħtieġa ta’ sistema iktar effiċjenti ta’ sorveljanza tas-suq.

Isemma wkoll il-bżonn li l-membri jkunu aġġornati fuq miżuri li jittieħdu biex jiġu attwati l-proposti fl-Att dwar is-Suq Uniku I u fl-Att dwar is-Suq Uniku II. Iktar diskussjoni dwar is-Suq Uniku bejn uffiċjali tal-Gvern u l-imsieħba soċjali u l-korpi kostitwiti mistennija jkomplu għaddejjin fil-ġimgħat li ġejjin kemm fil-Core Group kif ukoll f’fora oħra.

It-tieni suġġett fuq l-aġenda tal-Core Group kien il-proċess tat-tkabbir tal-UE.  Fiona Formosa, Assistent Direttur fid-Direttorat Ġenerali għall-affarijiet Ekonomiċi u Ewropej fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tat rendikont lill-membri tal-Core Group fuq it-taħdidiet mal-pajjiżi kandidati: l-Iżlanda, it-Turkija, il-Montenegro, l-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, u s-Serbja, u kif ukoll dwar pajjiżi li jistgħu jressqu l-applikazzjoni tagħhom fil-futur: l-Albanija, il-Bożnja u l-Ħerzegovina, u l-Kosovo. Il-pożizzjoni ta’ Malta dwar it-tkabbir tal-UE huwa favur is-sħubija ta’ pajjiż sakemm jissodisfa l-kriterji tal-adeżjoni (l-hekk imsejħa Kriterji ta' Kopenħagen). Barra minn hekk, il-Gvern jemmen ukoll li l-proċess għandu jitmexxa ma’ kull pajjiż skont iċ-ċirkustanzi tal-pajjiż ikkonċernat.

It-tkabbir li jmiss se jseħħ is-sena d-dieħla meta fl-1 ta’ Lulju l-Kroazja tissieħeb fl-UE. Għad m’hemmx data oħra stabbilità meta pajjiżi oħra jistgħu jsiru membri minħabba li l-proċess tan-negozjati jvarja għal kull wieħed minnhom u dan jiddependi minn kif u meta jissodisfaw għal kollox il-kriterji tas-sħubija.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Imnedija l-Iskema Familja+ b’investiment ta’ €4.7 miljun li mistennija tilħaq madwar 7,000 tifel u tifla

PR262026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  Minister Silvio Schembri opens Tech Xpo and launches Malta’s AI Strategy 2.0

PR262025en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

More Press Releases Right arrow