STRATEĠIJA EFFETTIVA GĦAS-SETTUR TURISTIKU IMMIRATA LEJN TKABBIR EKONOMIKU U TISĦIĦ TAL-KOMPETTIVITÀ
Il-ħidma li qed issir fit-turiżmu qed twassal għal aktar xogħol għall-operaturi turistiċi, għal sidien ta’ negozji żgħar u medji f’pajjiżna kif ukoll għal familji Maltin u Għawdxin li jiddependu minn din l-industrija. Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena t-turisti li ġew Malta żdiedu għal 1,274,251 li jfisser żieda ta’ 70,970 turist (+5.9%) fuq l-istess perjodu fl-2010.
It-total ta’ ljieli li t-turisti qattgħu Malta qabeż l-10.5 miljun, li jfisser żieda ta’ 380,000 lejl. In-nefqa tat-turisti bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena qabżet il-€1.125 biljun li tfisser żieda ta’ aktar minn €89 miljun. In-nefqa tat-turisti f’pajjiżna tiġġenera attività kummerċjali fil-lukandi, ristoranti, ħwienet, gwidi u għalhekk tfisser ukoll il-ħolqien ta’ impjiegi f’pajjiżna.
L-istrateġija tal-Gvern għas-settur turistiku hija bbażata wkoll fuq il-ħsieb li l-profittabilità tal-operaturi f’dan is-settur, tiddependi minn riżultati pożittivi. Il-Gvern qed iwettaq strateġija li wasslet biex fl-aħħar erba’ snin, pajjiżna kellu tliet snin rekord b’din is-sena wkoll jiġu rreġistrati riżultati pożittivi li jindikaw li hija sena rekord.
Il-Gvern qed jinvesti wkoll f’diversi skemi mmirati lejn it-tisħiħ tal-ħidma tal-operaturi u t-tisħiħ tal-kompettività tas-settur. Dawn jinkludu:
• Skema ta’ fond mill-Unjoni Ewropea ta’ €10 miljun għas-settur privat biex jinvesti fi proġetti ta’ turiżmu sostenibbli.
• Skema ta’ sussidju fuq is-self li tħeġġeġ lil-lukandi u r-ristoranti biex iwettqu xogħol ta’ upgrading fl-istabbilimenti tagħhom kif ukoll biex joffru servizzi ġodda u jtejbu dawk eżistenti. Din l-iskema għandha l-għan li tgħin, permezz ta’ sussidji fuq is-self, lil-lukandi, ristoranti u holiday accomodations bħal hostels u guest houses, biex iwettqu upgrading fl-operat u l-prodott tagħhom u biex itejbu s-servizzi li joffru llum u joffru servizzi ġodda.
• Skema ta’ soft loans għall-operaturi turistiċi biex jinvestu fi prattiċi ta’ enerġija effiċjenti.
• Skema ta’ tnaqqis fl-income tax sa €25,000 għal sidien ta’ negozji żgħar u medji meta dawn jinvestu aktar jew jimpjegaw aktar ħaddiema
Il-Gvern qed jinvesti wkoll fil-prodott turistiku għaliex jgħaraf li dan huwa pilastru ewlieni li jsaħħaħ l-kompettività tas-settur turistiku. Sar il-proġett tal-promenade il-ġdid ta’ San Pawl il-Baħar li ġie inawgurat f’Settembru u li għaqqad il-Qawra, Bugibba u San Pawl il-Baħar biex wieħed jista’ jgawdi minn mixja mal-kosta ta’ tliet kilometri. Sar ix-Xatt ta’ Marsaxlokk. Beda x-xogħol fuq l-proġett tal-Akwarju fil-Qawra u tal-ġonna f’Pembroke biswit cluster ta’ lukandi 5 stilel. Dan wara li l-Gvern investa fi proġetti oħra bħall-proġett fi Pjazza Sant’Anna, Qui si Sana, il-proġett li qed isir fid-daħla tal-Belt u r-restawr ta’ sitt kilometri ta’ swar.
Sabiex tiżdied l-aċċessibilità din is-sena ddaħħlu rotot ġodda minn Nuremberg, Belfast u min Basel fl-Iżvizzera. Dawn ir-rotot li żdiedu minn 54, fl-2007 għal 75 din is-sena, qed ikunu akkumpanjati minn kampanji pubbliċitarji bħala parti mill-investiment fil-promozzjoni effettiva.
Il-Gvern jirrikonoxxi wkoll li l-attività f’pajjżi oħra tolqot lill-ekonomija tagħna u twassal biex pajjiżna jaġġusta għar-realtajiet ekonomiċi globali. Ir-reviżjoni fil-prezz tad-diesel tirrifletti ċ-ċaqliq fis-suq internazzjonali li mill-bidu tas-sena ‘l hawn żdied b’21%. Filfatt, il-prezzijiet tad-diesel żdiedu għal livell medju ta' USD 982 għal kull tunnellata minn livelli ta' USD 811 li ġew reġistrati f'Jannar li għadda. Dawn iż-żidiet affettwaw l-Ewropa kollha, mhux lil Malta biss.
Anzi, f’bosta pajjiżi ġirien jew kompetituri tagħna, iż-żidiet fil-prezz li jħallas il-konsumatur u s-sid tan-negozju kienu ferm aktar sostanzjali. Dan għaliex barra ż-żidiet internazzjonali li riedu jiġu assorbiti fil-prezzijiet, bħala parti mill-miżuri ta’ awsterità numru ta’ pajjiżi għollew it-taxxi fuq il-fuels.
Iż-żieda fl-aħħar xahar kienet fil-prezz tad-diesel li kienet ta’ 2 ċenteżmi tal-Ewro f’Malta u medja ta’ 5 ċenteżmi tal-Ewro fl-Unjoni Ewropea.
Il-prezz tad-diesel f’Malta wara r-reviżjoni li tħabbret il-bieraħ hu ta’ 1.32 Ewro kull litru filwaqt li l-medja Ewropea hi ta’ 1.42 Ewro. Mis-27 Stat Membru tal-UE, 7 biss minnhom għandhom diesel irħas minn ta’ Malta. Dan il-prezz saħansitra jaqbeż l-1.50 Ewro f’numru ta’ pajjiżi fosthom il-Greċja, l-Italja, l-Iżvezja u r-Renju Unit, b’dan tal-aħħar ikollu l-ogħla prezz fil-medja fl-Ewropa b’rata ta’ 1.64 Ewro kull litru.
Il-Gvern jgħarraf li l-kompettività tas-settur turistiku u ta’ kull settur ieħor tissaħħaħ bi sforz kollettiv bejn l-partijiet kollha involuta. Il-Gvern jirrikonoxxi l-ħidma tal-MTA u tant stakeholders li għenu biex pajjiżna jġib riżultati rekord fis-settur turistiku. Jawgura li dawn jibqgħu jaħdmu id f’id biex pajjiżna jibqa’ jikseb riżultati pożittivi għal dan is-settur u għall-ekonomija tagħna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en