Left arrow Go Back

STRATEĠIJA EFFETTIVA GĦAS-SETTUR TURISTIKU IMMIRATA LEJN TKABBIR EKONOMIKU U TISĦIĦ TAL-KOMPETTIVITÀ

pr2360
Date Icon 02/12/2012

Il-ħidma li qed issir fit-turiżmu qed twassal għal aktar xogħol għall-operaturi turistiċi, għal sidien ta’ negozji żgħar u medji f’pajjiżna kif ukoll għal familji Maltin u Għawdxin li jiddependu minn din l-industrija. Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena t-turisti li ġew Malta żdiedu għal 1,274,251 li jfisser żieda ta’ 70,970 turist (+5.9%) fuq l-istess perjodu fl-2010.

It-total ta’ ljieli li t-turisti qattgħu Malta qabeż l-10.5 miljun, li jfisser żieda ta’ 380,000 lejl. In-nefqa tat-turisti bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena qabżet il-€1.125 biljun li tfisser żieda ta’ aktar minn €89 miljun. In-nefqa tat-turisti f’pajjiżna tiġġenera attività kummerċjali fil-lukandi, ristoranti, ħwienet, gwidi u għalhekk tfisser ukoll il-ħolqien ta’ impjiegi f’pajjiżna.

L-istrateġija tal-Gvern għas-settur turistiku hija bbażata wkoll fuq il-ħsieb li l-profittabilità tal-operaturi f’dan is-settur, tiddependi minn riżultati pożittivi. Il-Gvern qed iwettaq strateġija li wasslet biex fl-aħħar erba’ snin, pajjiżna kellu tliet snin rekord b’din is-sena wkoll jiġu rreġistrati riżultati pożittivi li jindikaw li hija sena rekord.

Il-Gvern qed jinvesti wkoll f’diversi skemi mmirati lejn it-tisħiħ tal-ħidma tal-operaturi u t-tisħiħ tal-kompettività tas-settur. Dawn jinkludu:

• Skema ta’ fond mill-Unjoni Ewropea ta’ €10 miljun għas-settur privat biex jinvesti fi proġetti ta’ turiżmu sostenibbli.

• Skema ta’ sussidju fuq is-self li tħeġġeġ lil-lukandi u r-ristoranti biex iwettqu xogħol ta’ upgrading fl-istabbilimenti tagħhom kif ukoll biex joffru servizzi ġodda u jtejbu dawk eżistenti. Din l-iskema għandha l-għan li tgħin, permezz ta’ sussidji fuq is-self, lil-lukandi, ristoranti u holiday accomodations bħal hostels u guest houses, biex iwettqu upgrading fl-operat u l-prodott tagħhom u biex itejbu s-servizzi li joffru llum u joffru servizzi ġodda.

• Skema ta’ soft loans għall-operaturi turistiċi biex jinvestu fi prattiċi ta’ enerġija effiċjenti.

• Skema ta’ tnaqqis fl-income tax sa €25,000 għal sidien ta’ negozji żgħar u medji meta dawn jinvestu aktar jew jimpjegaw aktar ħaddiema

Il-Gvern qed jinvesti wkoll fil-prodott turistiku għaliex jgħaraf li dan huwa pilastru ewlieni li jsaħħaħ l-kompettività tas-settur turistiku. Sar il-proġett tal-promenade il-ġdid ta’ San Pawl il-Baħar li ġie inawgurat f’Settembru u li għaqqad il-Qawra, Bugibba u San Pawl il-Baħar biex wieħed jista’ jgawdi minn mixja mal-kosta ta’ tliet kilometri. Sar ix-Xatt ta’ Marsaxlokk.  Beda x-xogħol fuq l-proġett tal-Akwarju fil-Qawra u tal-ġonna f’Pembroke biswit cluster ta’ lukandi 5 stilel. Dan wara li l-Gvern investa fi proġetti oħra bħall-proġett fi Pjazza Sant’Anna, Qui si Sana, il-proġett li qed isir fid-daħla tal-Belt u r-restawr ta’ sitt kilometri ta’ swar.

Sabiex tiżdied l-aċċessibilità din is-sena ddaħħlu rotot ġodda minn Nuremberg, Belfast  u min Basel fl-Iżvizzera. Dawn ir-rotot li żdiedu minn 54, fl-2007 għal 75 din is-sena, qed ikunu akkumpanjati minn kampanji pubbliċitarji bħala parti mill-investiment fil-promozzjoni effettiva.

Il-Gvern jirrikonoxxi wkoll li l-attività f’pajjżi oħra tolqot lill-ekonomija tagħna u twassal biex pajjiżna jaġġusta għar-realtajiet ekonomiċi globali. Ir-reviżjoni fil-prezz tad-diesel tirrifletti ċ-ċaqliq fis-suq internazzjonali li mill-bidu tas-sena ‘l hawn żdied b’21%.  Filfatt, il-prezzijiet tad-diesel żdiedu għal livell medju ta' USD 982 għal kull tunnellata minn livelli ta' USD 811 li ġew reġistrati f'Jannar li għadda. Dawn iż-żidiet affettwaw l-Ewropa kollha, mhux lil Malta biss.

Anzi, f’bosta pajjiżi ġirien jew kompetituri tagħna, iż-żidiet fil-prezz li jħallas il-konsumatur u s-sid tan-negozju kienu ferm aktar sostanzjali. Dan għaliex barra ż-żidiet internazzjonali li riedu jiġu assorbiti fil-prezzijiet, bħala parti mill-miżuri ta’ awsterità numru ta’ pajjiżi għollew it-taxxi fuq il-fuels.

Iż-żieda fl-aħħar xahar kienet fil-prezz tad-diesel li kienet ta’ 2 ċenteżmi tal-Ewro f’Malta u medja ta’ 5 ċenteżmi tal-Ewro fl-Unjoni Ewropea.

Il-prezz tad-diesel f’Malta wara r-reviżjoni li tħabbret il-bieraħ hu ta’ 1.32 Ewro kull litru filwaqt li l-medja Ewropea hi ta’ 1.42 Ewro. Mis-27 Stat Membru tal-UE, 7 biss minnhom għandhom diesel irħas minn ta’ Malta. Dan il-prezz saħansitra jaqbeż l-1.50 Ewro f’numru ta’ pajjiżi fosthom il-Greċja, l-Italja, l-Iżvezja u r-Renju Unit, b’dan tal-aħħar ikollu l-ogħla prezz fil-medja fl-Ewropa b’rata ta’ 1.64 Ewro kull litru.

Il-Gvern jgħarraf li l-kompettività tas-settur turistiku u ta’ kull settur ieħor tissaħħaħ bi sforz kollettiv bejn l-partijiet kollha involuta. Il-Gvern jirrikonoxxi l-ħidma tal-MTA u tant stakeholders li għenu biex pajjiżna jġib riżultati rekord fis-settur turistiku. Jawgura li dawn jibqgħu jaħdmu id f’id biex pajjiżna jibqa’ jikseb riżultati pożittivi għal dan is-settur u għall-ekonomija tagħna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow