BIDLA RADIKALI FID-DIPARTIMENT TAL-PROPRJETÀ TAL-GVERN SE TFISSER €24 MILJUN PAĠNA TA’ DOKUMENTI LI SE JIĠU AĠĠORNATI B’MOD DIĠITALI
"Dan huwa proġett li se jfisser bidla radikali għall-aħjar bl-ikbar investiment li qatt sar, u li se jissarraf fit-tnaqqis tal-burokrazija". Dan qalu l-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi waqt żjara li kien qed jagħmel lill-ħaddiema li bħalissa għaddejjin bit-taħriġ fuq proġett fejn aktar minn 24-il miljun paġna ta’dokumenti tad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern se jiġu aġġornati sabiex fost l-oħrajn tinħoloq database elettronika bid-data kollha li għandha x’taqsam mall-proprjetà kollha tal-Gvern bħal dokumenti, pjanti, kontijiet, u kuntratti.
Il-Ministru Azzopardi saħaq li l-għan prinċipali ta’ dan il-proġett ambizzjuz huwa li ssir re-organizzazzjoni tad-Dipartiment f’kull sezzjoni u jingħata taħrig lill-impjegati kemm fuq is-sistema u anke f’materji oħrajn kif ukoll li tiġi aġġornata il-Geographic Information System database preżenti, biex din tkun konformi ma’ standards Ewropej.
Il-proġett LEMIS ġie kkrejat sabiex tiżdied l-effiċjenza, il-kontabilità, u sabiex joffri servizz aħjar għall-pubbliku permezz tal-informatika. Il-Ministru spjega li l-proġett bedu sentejn ilu fejn id-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern iffirma l-kuntratt tal-Land Estate Management Information System (LEMIS) mal-Kumpanija Datatrack sabiex dawn jgħaddu lid-Dipartiment, sistema tal-informatika komprensiva għall-immaniġġjar professjonali u b’mod integrat tal-proprjetà kollha tal-Gvern. Matul is-sena 2010 sar ix-xogħol kollu preparatorju biex imbagħad fil-bidu ta’ Jannar 2011, beda jinħadem l-ewwel module ta’ din is-sistema, dak tal-kirjiet.
Is-Sur Iman Schembri, Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern, qal li bħalissa d-Dipartiment qiegħed fil-fażi li jagħmel l-iscanning u l-indexing tal-files kollha, li flimkien jammontaw għal aktar minn 130,000. Spjega wkoll li beda jingħata taħriġ intensiv kemm lill-ħaddiema tad-Dipartiment kif ukoll lill-Kunsill Lokali f’Malta u f’Għawdex biex dawn setgħu jkomplu jirċevu id-dħul mill-kirjiet. Qal ukoll li d-Dipartiment nieda sit elettroniku sabiex wieħed iżomm ruħu aġġornat, kif ukoll ikun jista jħallas l-kontijiet tiegħu.
Il-Ministru qal li sabiex inħolqot din is-sistema, ġie allokat fond ta’ €900,000 għal dan il-progett . Saħaq illi dan huwa mod ieħor ta’ kif l-Gvern joffri aċċessibilità, trasparenza u effiċjenza fid-dipartimenti tiegħu. Spjega kif il-pubbliku se jkollu l-opportunità li jħallas il-kontijiet tiegħu mill-kumdità ta’ daru u b’hekk jinqeda aħjar. B’hekk qal, se jiġi ffrankat ħafna ħin u ġiri żejjed. “Dan huwa pass ieħor importanti li qed isir fid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern li aktar kemm ma jgħaddi ż-żmien aktar qed joffri servizzi effiċjenti għall-pubbliku,” qal Azzopardi.
S’issa ġiet trasferita u addatata għas-sistema ġdida, d-data elettronika eżistenti kollha li kellu d-Dipartiment kemm fuq il-proprjetà tal-Gvern u anke fuq dik li għaddiet mingħand il-Knisja. Is-sezzjoni tal-kirjiet, kaxxiera u dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ ġbir tal-kera qed jitħaddem bis-sistema l-ġdida. Ta’ min jinnota li fl-2012 inħarġu xejn anqas minn 40,000 kont. Tlestew ukoll l-iscanning u t-tagging tal-property forms tal-Uffiċċju Konġunt fejn l-istess eżerċizzju se jsir fuq il-kumplament tal-proprjetà amministrata mid-Dipartiment.
Il-Ministru Azzopardi qal li d-Dipartiment issa wasal viċin li jibda juża il-proċess awtomatiku fil-ġbir tal-arrettrati tal-kera. Spjega li trid tinbidel ukoll is-sistema tal-ħlas tal-uffiċċju konġunt biex tiġi konformi mas-sistema l-oħra. Għal dan l-għan, spjega l-Ministru id-Dipartiment se jibgħat rendikont tad-dettalji ta’ kull biċċa proprjetà li għaddiet mill-Knisja għal għand il-Gvern, għall-konferma ta’ kull inkwilin
Fl-aħħar nett, il-Ministru qal li wieħed jifhem li dan hu proġett ambizzjuż u kompless, għax iridu jingħaqdu elettronikament volumi importanti, iżda d-determinazzjoni u x-xogħol siewi li jħaddnu l-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern jawgura li l-proġett ikun suċċess u jsir avvanz kbir f’dan il-qasam.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en