FOND GĦALL-IŻVILUPP TA’ LOGĦOB DIĠITALI
Fond ta’ €150,000 bl-għan li jħajjar l-iżvilupp ta’ logħob diġitali f’pajjiżna tnieda llum mill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, Tonio Fenech u mill-Ministru għat-Turiżmu, il-Kultura u l-Ambjent, Mario De Marco f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Kavallier ta’ San Ġakbu. L-iskop ewlieni ta’ dan il-Fond huwa li jħajjar aktar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ logħob diġitali kif ukoll biex jitqajjem aktar għarfien dwar l-opportunitajiet kbar li dan is-settur jista’ joffri f’termini ta’ investiment u xogħol f’pajjiżna.
Il-Ministru Mario De Marco qal li dan il-fond jingħaqad ma’ diversi inizjattivi oħra li nieda l-Gvern fl-aħħar snin biex isaħħaħ l-ekonomija tal-kreattivita’. Fost dawn hemm il-Malta Arts Fund, il-Malta Film Fund, il-Premju tal-President għall-Kreattivita’, l-Culture Card u l-programm KREATTIV għall-istudenti u l-INVEX għall-organizazzjonijiet kulturali.
Mario de Marco spjega li t-twaqqif ta’ dan il-fond jikkumplimenta wkoll l-proposti tal-abbozz tal-istrateġija tal-kreattivita’ li tisħaq fuq l-investiment fit-tisħiħ tat-talent lokali, l-ħiliet u l-intrapriżi kif ukoll fit-tisħiħ tal-pożizzjoni ta' Malta bħala ċentru kreattiv li jiġbed l-investiment barrani.
Il-Ministru de Marco qal li s-settur kulturali u kreattiv joffri potenzjal għat-tisħiħ tal-ekonomija u l-ħolqien tal-impjiegi. Hu fakkar li dan is-settur bħalissa jiġġenera 4% tal-Prodott Gross Domestiku u jimpjega madwar 8000 persuna fit-3600 intrapriża. Mario de Marco qal ukoll li l-Gvern qed jinvesti fl-edukazzjoni u t-taħriġ fis-setturi kulturali u kreattivi. Hu sostna li l-industrija tal-logħob diġitali teħtieġ għadd ta’ ħiliet differenti u qed toħloq impjiegi interessanti għal designers, programmers, kittieba, mużicisti, artisti, intraprendituri u managers, fost oħrajn Hu saħaq li l-Gvern se jibqa’ impenjat li jinvesti fil-ħiliet tal-Maltin u l-Għawdxin, fit-talent lokali u fl-edukazzjoni biex pajjiżna jibqa’ kompettitiv u jgawdi mill-potenzjal li qed toffri l-ekonomija tal-kreattivita’.
Il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech qal li “fl-istrateġija tiegħu li jattira aktar investiment u postijiet tax-xogħol, il-Gvern qed iħares lejn l-iżvilupp tas-settur tad-digital gaming bħala qasam li joffri opportunitajiet kbar ta’ tkabbir. It-teknoloġija toffri ħafna opportunitajiet fil-qasam tad-digital gaming, minn logħob tal-kompjuter tradizzjonali, iżda wkoll logħob elettroniku online, logħob fuq il-mobile phones, logħob fuq is-siti ta’ social networking, u oħrajn. Il-proċess ta’ żvilupp ta’ logħba jinvolvi grupp ta’ nies b’firxa differenti ta’ kapaċitajiet – minn story writer, artisti, programmers, persuni b’kapaċitajiet fit-teknoloġija tal-informatika, u oħrajn.”
Malta diġà qed tara stejjer ta’ suċċess f’dan is-settur fosthom TRC Entertainment, li attirat lejn Malta persuni rinomati f’dan is-settur u diġà qed tħaddem mal-100 persuna. Il-Ministru qal li l-Gvern qed jaħdem fuq l-estensjoni ta’ skema tal-highly qualified individuals għal dan is-settur, skema li kienet oriġinarjament applikabbli fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u l-gaming, biex din tiġi estiża għal game directors u game designers proprju bl-għan biex niffaċilitaw it-trasferiment ta’ għarfien u kapital lejn pajjiżna.
Fakkar ukoll li aktar kmieni dan ix-xahar, tħabbar investiment ieħor ta’ nofs miljun ewro fis-sena għal tliet snin fiż-żgħażagħ tagħna f’dak li huwa Programm ta’ Scholarships (bl-isem STAR) miftuħ proprju għas-settur tad-Digital Gaming, fejn student jista’ jgawdi minn għajnuna sa 6,000 ewro għal kors tiegħu.
L-applikazzjonijiet jiftħu llum u jagħlqu fil-25 ta’ Jannar 2013. Fil-ġimgħat li ġejjin se jsiru laqgħat ta’ informazzjoni bi tħejjija għall-proċess ta’ applikazzjoni, li se jinkludu wkoll coaching minn esperti internazzjonali fis-settur. L-għażla se ssir minn kumitat ta’ evalwazzjoni li se jkun magħmul minn grupp ta’ esperti f’dan il-qasam Aktar tagħrif jista’ jinkiseb fuq digitalgamesfund.gov.mt digitalgamesfund@gov.mt.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en