IL-ĦOLQIEN TAX-XOGĦOL JIBQA’ L-PRIJORITÀ GĦALL-GVERN F’GĦAWDEX: PARTEĊIPAZZJONI QAWWIJA MIN-NEGOZJI ŻGĦAR GĦAWDXIN FL-ISKEMI TAL-GVERN
In-negozji żgħar u medji Għawdxin irrispondew b’mod b’saħħtu għall-iskemi mnedija mill-Gvern matul din il-leġislatura biex jinvestu fin-negozju tagħhom, jespandu l-operat tagħhom u joħolqu aktar jobs. Filfatt, mill-1,800 benefiċjarju tal-iskema Microinvest, 410 minnhom huma Għawdxin. Sidien ta’ negozju jiffrankaw sa 40% mill-investiment li jkunu wettqu, inċentiv li jitla’ għal 60% f’Għawdex. Dawn investew 4 miljun ewro, u frankaw 2.5 miljun f’krediti tat-taxxa, peress li l-inċentiv f’Għawdex jlaħħaq is-60% tal-investiment. Kien hemm ukoll 23 negozju li investew permezz tal-Jeremie MicroCredit u 35 li gawdew mill-Fondi Ewropej għall-Industrija mħaddma mill-Malta Enterprise.
Dawn iċ-ċifri ngħataw mill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment Tonio Fenech waqt l-introduzzjoni għal laqgħa ta’ diskussjoni pubblika li saret f’lukanda f’San Lawrenz, fejn numru ta’ sidien ta’ negozji u industrijalisti Għawdxin ressqu l-proposti tagħhom bi tħejjija għal Budget 2013.
Waqt l-intervent tiegħu l-Ministru Fenech ta’ ħarsa lejn diversi proġetti inizjattivi u skemi li saru matul l-aħħar 4 snin bl-għan li jattiraw aktar xogħol lejn Għawdex. Il-qgħad f’Għawdex niżel b’madwar 13% mill-2009, minn rata annwali ta’ 744 fl-2009 għal 646 f’Awwissu 2012. Anke permezz tal-Employment Aid Programme, skema li tkopri 50% tal-ispejjeż marbuta ma’ salarji u l-kontribuzzjoni tal-assigurazzjoni nazzjonali, 150 negozju Għawdxi ħolqu aktar minn 450 impjieg. Fl-aħħar 4 snin, il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ kellha mal-2,300 vacancy f’Għawdex, u kważi 4,000 persuna attendew għal korsijiet organizzati mill-istess ETC f’Għawdex.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar l-Inizjattiva Eko-Għawdex u diversi proġetti infrastrutturali u ta’ tisbiħ li qed jgħinu biex jitjieb il-prodott turistiku Għawdxi. Fosthom huwa rrefera għall-bini mill-ġdid ta’ aktar minn 20 km f’toroq arterjali madwar Għawdex, it-tlestija ta’ diversi proġetti bħar-restawr taċ-Ċittadella, Villa Rundle u l-Ġnien ġdid f’Marsalforn, il-Proġett tal-Qortin u x-xogħol fuq ir-rijabilitazzjoni taż-Żewwieqa Waterfront. Dan l-investiment fil-prodott turistiku Għawdxi qed ikun ikkumplimentat mir-rebranding tal-AirMalta bħala “l-linja tal-ajru tal-gżejjer Maltin”. Skont l-aħħar statistika tal-NSO, f’Lulju il-wasliet totali fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni Għawdxin laħqu 146,062, żieda ta’ 3.6% fuq l-2011.
L-għan tal-Gvern jibqa’ li joħloq aktar opportunitajiet ta’ xogħol kif ukoll l-aqwa opportunitajiet edukattivi liż-żgħażagħ Għawdxin. Matul din il-leġislatura, il-Gvern investa madwar 12-il miljun ewro bejn Skola Sekondarja ġdida fir-Rabat kif ukoll fit-titjib ta’ skejjel u faċilitajiet edukattivi, fosthom il-bini ta’ ITS ġdid li qed jilqa’ kważi 100 student.
Huwa nnota b’sodisfazzjon li hemm aktar minn 1000 student Għawdxi li qed jattendu l-Università din is-sena, u fakkar li dawn l-istudenti jingħataw allowance addizzjonali ta, 1200 ewro fis-sena.
B’referenza għall-proposti kontenuti fid-Dokument ta’ Qabel il-Budget il-Ministru saħaq li l-prijorità ewlenija tibqa’ l-ħolqien ta’ aktar postijiet tax-xogħol, u hu għalhekk li l-Gvern għandu l-għan li jkompli joħloq inizjattivi li jsaħħaħ ir-rwol ta’ Għawdex bħala gżira-destinazzjoni, b’ambjent li joħloq aktar investiment u xogħol. Tkellem ukoll dwar diversi proposti għal proġetti fil-qasam ambjentali u soċjali, fosthom aktar investiment fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u t-twaqqif ta’ ċentru reġjonali għall-kura tat-tfal biex jilqa’ għad-domanda ta’ aktar servizzi għat-tfal f’Għawdex.
Għal din il-laqgħa attendew ukoll il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono u l-Ministru tal-Ġustizzja, Djalogu u Familja Chris Said.
Stqarrijiet Oħra:
PR262025en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR262025