STQARRIJA KONGUNTA BEJN IL-MINISTERU TAL-FINANZI L-EKONOMIJA U INVESTIMENT U L-MINISTERU GĦALL-KOMPETIZZJONI ĠUSTA, NEGOZJI ŻGĦAR U L-KONSUMATUR
Il-Gvern jieħu nota tar-rapport tal-Bank Dinji dwar il-faċilità li wieħed iwettaq negozju f’Malta.
Il-politika tal-Gvern hija li jibqa’ jsaħħaħ l-ambjent li fih issir in-negozju f’pajjiżna. Dan biex nibqgħu nattiraw aktar investiment u postijiet tax-xogħol. B’diversi inizjattivi li ttieħdu fl-aħħar snin, pajjiżna attira aktar minn 170 fabbrika ġdida jew estensjoni, filwaqt li kważi 11,000 kumpanija ġiet reġistrata mal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, flimkien mat-twaqqif ta’ diversi negozji żgħar u medji oħrajn. Dawn waslu għal ħolqien ta’ aktar minn 20,000 job fl-aħħar erba’ snin, f’setturi mill-aktar differenti, fis-servizzi finanzjarji, fil-gaming, fil-manifattura, fl-avjazzjoni u s-settur marittimu kif ukoll fis-settur tat-turiżmu.
Dawn ir-riżultati huma frott taħlita ta’ inċentivi li jattiraw l-investiment barrani u lokali, kif ukoll ħidma biex jissaħħaħ l-ambjent kummerċjali f’pajjiżna. Dawn jinkludu diversi inizjattivi li jiffaċilitaw il-kreditu, bħall-Iskemi MicroInvst u MicroCredit, kif ukoll it-tnedija tal-one-stop-shop għan-negozju: Business First.
Istituzzjonijiet internazzjonali differenti nnutaw dan il-progress sostanzjali. Fosthom insibu l-Forum Ekonomiku Dinji, li f’Rapport dwar il-Kompetittività sab li Malta telgħet 4 postijiet, u issa tinsab fis-47 post u nnota b’mod partikolari li dan kien ukoll riżultat ta’ tnaqqis ta’ burokrazija fin-negozju. Bl-istess mod, aktar riċenti, il-Kummissjoni Ewropea rrimarkat kif Malta sejra tajjeb ħafna meta mqabbla ma’ pajjizi kbar fis-settur tan-negozji zgħar u medji, li prattikament huma 99% tan-negozji f’pajjiżna. Filfatt Malta laħqet l-livelli ta’ pajjizi kbar bħall-Awstrija u l-Germanja li huma żewġ mudelli f’dan is-sens. Ir-rapport jghid li l-inqas li ntlaqtu mill-krizi finanzjarja minn fost il-pajjzi kolha fiz-zona Ewro huma n-negozji Maltin.
Għaldaqstant f’dan il-kuntest, filwaqt li l-Gvern se jieħu l-kummenti tal-Bank Dinji bħala parti mill-ħidma biex tkompli titnaqqas il-burokrazija tan-negozju, jesprimi d-diżappunt għall-fatt li tħallew barra riformi importanti li biddlu l-mod ta’ kif isir negozju f’pajjiżna. Riformi importanti li tħallew kompletament barra jinkludu:
Business First: Aktar minn 50 servizz li qabel kienu qed jingħataw lis-sidien tan-negozju minn dipartimenti jew entitajiet differenti tal-Gvern issa jinsabu taħt saqaf wieħed. B'hekk is-sidien tan-negozji jkunu jistgħu jiffukaw iżjed fuq il-ħidma u l-operat tagħhom jew fuq it-twaqqif ta’ negozju ġdid. Irridu lil min qed jopera jew irid jopera fin-negozju jkompli jiffoka l-enerġija fuq il-ħolqien ta' l-impjiegi u t-tkattir tax-xogħol u mhux fuq il-burokrazija. Ġew iffirmati ftehmiet ma’ diversi entitajiet biex ikun assigurat li s-servizzi jingħataw fi żmien għaxart ijiem.
Ġie fi tmiemu wkoll il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar proposti li jemendaw regolamenti dwar il-liċenzji tal-kummerċ u dan biex tiżdied aktar il-flessibilità . Il-proposti l-ġodda li se jiġu kollha fis-seħħ mill-1 ta’ Novembru li ġej, se jfissru li n-negozji Maltin u Għawdxin se jkollhom regoli aktar sempliċi u b’anqas burokrazija.
L-introduzzjoni tal-iSmall Business Act: F’Ġunju 2011 ġie adottat l-Att dwar l-Intrapriżi ż-Żgħar li għandu l-għan li jtejjeb dejjem aktar l-ambjent li fih jopera n-Negozju f’Malta. Dan l-Att dwar l-Intrapriżi ż-Żgħar ifittex li jidentifika dawk iż-żoni fejn l-ambjent regolatorju eżistenti, jista’ jitjieb sabiex jiġu provduti soluzzjonijiet li minnhom jibbenefikaw intrapriżi sabiex joperaw aħjar.
In-nuqqasijiet fir-rapport huma aċċentwati fil-klassifikazzjoni marbuta mal-aċċess għall-finanzi, fejn filwaqt li l-kriżi finanzjarja ċertament wasslet biex istituzzjonijiet finanzjarji jkunu aktar kawti fl-għoti ta’ self, li pajjiżna jitpoġġa fil-176 post, fuq l-istess livell mal-Irak u s-Sirja, żewġ pajjiżi sfortunatament mifnija bi gwerra, iqajjem ftit tad-dubji. Dan meta għandu jitfakkar li skont il-Forum Ekonomiku Dinji f’rapport ippubblikat din is-sena, jikklassifika lil Malta fis-17-il post fid-dinja, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ aċċess għall-finanzi. Ta’ min jgħid li dan ir-rapport tal-Forum Ekonomiku kien ippubblikat qabel mall-Gvern nieda skema oħra li se tiffaċilita l-aċċess għall-finanzi, dik tal-MicroGuarantee.
Għalhekk, filwaqt li wieħed ma jistennix li kull rapport se jasal għall-istess konklużjonijiet preċiżi, tali distinzjoni (mis-17-il post għal 176 post) hija ftit partikolari. L-istess rapport jagħti punteġġ ta’ 0 f’dak li huwa Private credit bureau coverage, fejn huwa magħruf li f’pajjiżna teżisti istituzzjoni (CreditInfo) li twettaq proprju dan ir-rwol.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en