Left arrow Mur Lura

KTIEB ĠDID DWAR DE SOLDANIS GĦALL-ISTUDENTI TAL-MALTI

pr2334
Date Icon 24/10/2012

De Soldanis: L-esploratur tal-Ilsien Malti huwa ktieb ġdid għall-istudenti tal-Malti li qed iħejju ruħhom għall-eżamijiet taċ-Ċertifikat ta’ Edukazzjoni Sekondarja (ĊES). Dan il-ktieb, miktub minn Rosabelle Carabott, jinkludi tagħrif interessanti dwar il-ħidma tal-Kanonku Ġann Piet Franġisk Agius de Soldanis li twieled ir-Rabat, Għawdex fl-1712 u li baqa’ magħruf għall-ħidma tiegħu bħala lingwist, librar u storiku.

Il-publikazzjoni ta’ dan il-ktieb hija waħda mill-inizjattivi marbuta ma’ sensiela ta’ attivitajiet li jfakkru it-tliet mitt sena mit-twelid ta’ dan il-persunaġġ Għawdxi li bil-ħidma tiegħu naqqax ismu fl-istorja ta’ pajjiżna. Barra li ħadem kemm felaħ għall-promozzjoni tal-ilsien Malti, bil-publikazzjoni tal-grammatika de Soldanis ried juri li l-ilsien tal-Maltin u l-Għawdxin seta’ jiġi mgħallem u miktub fuq regoli grammatikali u b’hekk jintuża wkoll f’xogħlijiet letterarji. 

Il-ktieb ġie uffiċjalment imniedi mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, waqt attività mtellgħa fl-Iskola Sekondarja tas-Subien, u li għaliha attendew, fost l-oħrajn, studenti bniet u subien mill-iskejjel sekondarji f’Għawdex. Il-Ministru Debono spjegat kif din l-inizjattiva tal-Ministeru għal Għawdex sabet l-appoġġ sħiħ ta’ Heritage Malta u tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università li ħadmu flimkien mal-awtriċi biex jiġi ppreżentat dan il-ktieb li jagħti ġieħ xieraq lil dan il-bniedem li kien tant kburi bl-istorja u t-tradizzjonijiet ta’ pajjiżna.

Il-Ministru Giovanna Debono fissret li minbarra li se jkun ta’ għajnuna fl-istudji, dan il-ktieb għandu wkoll ikabbar l-għarfien dwar dan il-persunaġġ. Hija kompliet tħeġġeġ lill-istudenti biex jagħrfu japprezzaw aktar dak kollu li jagħti identità partikolari lill-gżejjer tagħna.  

Waqt din l-attività tkellmu wkoll l-awtriċi, Rosabelle Carabott, u s-Sur Sandro Spiteri, Direttur tal-Kurrikulu fid-Direttorat tal-Edukazzjoni.

It-tnedija ta’ dan il-ktieb saret fl-istess waqt li fil-Bibljoteka Nazzjonali ta’ Malta qed tittella’ wirja dwar ix-xogħlijiet manuskritti u ppubblikati ta’ De Soldanis. Din il-wirja qed issir bħala parti minn programm ta’ attivitajiet biex jitfakkar b’mod xieraq it-300 anniversarju mit-twelid ta’ dan il-persunaġġ Għawdxi. Il-Ministeru għal Għawdex ingħaqad ma’ Heritage Malta, id-Dipartiment tal-Malti tal-Università kif ukoll il-Bibljoteka Nazzjonali ta’ Malta biex fassal programm kommemorattiv li mistenni jilħaq il-qofol tiegħu fis-16 ta’ Novembru f’lejla uffiċjali li ser issir taħt il-patroċinju tal-President tar-Repubblika, il-Palazz, il-Belt.

Fil-jiem li ġejjin il-ktieb se jkun aċċessibbli fis-sit  http://malti.skola.edu.mt/

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  Minister Silvio Schembri opens Tech Xpo and launches Malta’s AI Strategy 2.0

PR262025en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Il-Ministru Silvio Schembri jniedi t-tieni Strateġija Nazzjonali għall-Intelliġenza Artifiċjali fil-ftuħ tat-Tech Xpo

PR262025

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow