PREŻENTAZZJONI TAL-KTIEB AVVENTURA MADWAR L-EWROPA
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina u l-Kap tar-Rappreżentanza tal-Unjoni Ewropea f’Malta, Martin Bugelli, dalgħodu niedew pubblikazzjoni ġdida – “Avventura Madwar l-Ewropa” li se titqassam lit-tfal kollha tal-ħames klassi tal-iskejjel primarji.
F’ċerimonja qasira li saret fl-iskola Primarja ta’ Pembroke fil-Kulleġġ Santa Klara, tqassmu kopji ta’ dan il-ktejjeb lit-tfal tal-ħames klassi.
F’diskors qasir il-Ministru Dolores Cristina qalet li l-Ewropa hi t-tieni dar tagħna u għalhekk tajjeb li nkunu nafu x’toffri għax bħala ċittadini Ewropej tajjeb li naraw kif jgħixu u x’inhuma d-drawwiet tas-27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.
L-Unjoni Ewropea tinvesti ħafna flus biex iċ-ċittadini tagħha mhux biss ikollhom l-istess drittijiet imma jkunu jafu x’inhuma u għalhekk tieħu ħafna inizjattivi biex jitwassal tagħrif siewi dwar l-Ewropa.
Il-Ministru f’isem it-tfal li se jingħataw kopja tal-ktejjeb, irringrazzjat lis-Sur Martin Bugelli, il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Unjoni Ewropea f’pajjiżna, li qed joffri dan il-ktieb.
Dan hu ktieb sabiħ ħafna, li fih tagħrif importanti li lkoll kemm aħna għandna nkunu nafuh. Hu ktieb magħmul apposta għalikom it-tfal Maltin u nkiteb minn tfajla Maltija Loranna Vella u d-disinjat minn artist Malti wkoll, Ġorġ Mallia.
Dan mhux biss ktieb tal-qari imma hu wkoll activity book li jista’ intuża kemm fid-dar kif ukoll fil-klassi.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni qalet li meta l-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea f’Malta tkellem dwar din l-idea mal-Ministeru, mill-ewwel inħass li din kienet inizjattiva tajba ħafna għaliex qed tagħti tagħrif oġġettiv dwar l-Unjoni Ewropea, bil-lingwa tagħna u bl-użu ta’ stampi u ritratti dwar Malta. Jien infurmata li l-uffiċċju tas-Sur Bugelli qed jimpenja ruħu li għas-sentejn li ġejjin jerġa’ jqassam dan il-ktieb lil studenti li jkunu fil-ħames klassi tal-primarja.
Fil-fatt id-Direttorati tal-Edukazzjoni u l-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea f’Malta issa qed jaħdmu wkoll fuq proġett simili biex jippreparaw ktieb għall-istudenti tal-iskejjel sekondarji li jagħżlu il-European Studies.
Nawgura li din il-kollaborazzjoni bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Uffiċċju tar-Rappreżentanza tal-Unjoni Ewropea f’Malta tkompli b’inizjattivi oħra li jkunu ta’ fejda għall-istudenti tagħna.
Is-Sur Martin Bugelli qal li r-Rappreżentanza tal-Unjoni Ewropea f’Malta offriet dan il-ktieb għax tħoss li t-tfal Maltin għandu jkollhom tagħrif tajjeb u bilanċjat dwar l-Unjoni Ewropea biex ma jkunx hawn min jgħidilhom affarijiet li mhux eżatti. Hu qal li l-Uffiċċju tiegħu jemmen f’kollaborazzjoni sħiħa mal-iskejjel biex it-tagħrif korrett dwar l-Ewropa jinfirex anke fost l-istudenti.
Other Press Releases:
PR262025en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR262025