AKTAR BEJGĦ U KUMMERĊ GĦALL-MONTI TAL-BELT
Il-Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur jixtieq javża li wara konsultazzjoni li saret ma’ varji operaturi kummerċjali u anki rappreżantanti tagħhom, intlaħaq ftehim sabiex l-ftuħ tal-Monti tal-Belt ta’ matul il-ġimgħa jiġi estiż sabiex jarma wkoll kull nhar ta’ Ħadd. B’hekk il-Monti tal-Belt li jarma fi Triq il-Merkanti u Triq it-Teatru Antik se jibda jarma kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd bejn is-7 ta’ filgħodu u s-2 ta’ waranofsinhar. Dan se jiġi fis-seħħ minn nhar il-Ħadd li ġej 28 ta’ Ottubru 2012.
Il-Ministru Jason Azzopari esprima s-sodisfazzjon għal dan il-ftehim li fi kliemu se jkun qed jfisser aktar bejgħ u kummerċ għall-bejjiegħa tal-Monti. Huwa qal li dan huwa mod iehor ta’ kif il-Gvern jisma u jwettaq l-aħjar qafas regolatorju, fl-interess kemm tal-bejjiegħa kif ukoll tal-konsumaturi.
Il-Ministru Azzopardi qal li l-Gvern sab appoġġ sħiħ kemm mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta kif ukoll mill-komunità kummercjali tal-Belt ta' Triq Merkanti, li lkoll qablu ma’ dan il-ftehim u fehmu l-esiġenzi tal-bejjiegħa tal-Monti.
Il-Monti tal-Belt minn dejjem kien popolari u jattira numru kbir ta’ nies li jagħmlu x-xiri tagħhom minnu. B’hekk il-ftuħ tal-Monti fil-Ħdud, se jfisser aktar aċċessibilità għan-nies li jżuruh.
Il-Ministru Azzopardi qal li dan il-ftehim se jkun qed ifisser ukoll li l-Belt se tkompli tieħu aktar ħajja fil-jum tal-Ħadd meta mijiet ta’ Maltin u turisti jżuruha u se tkun qed toffri opportunità oħra għal min ikun irid jagħmel ix-xiri tiegħu fil-ġurnata tal-Ħadd. Huwa saħaq li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jaħdem, sabiex jkattar aktar in-negozju fost il-bejjiegħa tal-Monti li tant għandhom għal qalbhom ix-xogħol tagħhom. Għal dan il-għan saħaq Azzopardi, l-Gvern fehem l-bżonnijiet tal-bejjiegħa u wasal f’dan il-ftehim li permezz tiegħu se jitkattar l-bejgħ.
Other Press Releases:
PR262025en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR262025