DISKORS MINN DOROTHY CALLEJA, LI ĦADET BORŻA TA’ STUDJU BL-ISKEMA MGSS U GĦAMLET DOTTORAT F’COUNSELLING PSYCHOLOGY
Prim Ministru,
Ministru,
Mistednin distinti,
Studenti,
Bi pjaċir ilqajt din l-okkażjoni sabiħa sabiex ngħid kelmtejn lilkom l-istudenti li qegħdin tiġu ppremjati b’borża ta’ studju llum. M’għandix dubju li l-borża ta’ studju u l-kors li bdejtu se jkunu esperjenza li se tgħożżu tul ħajjitkom kollha.
Fl-2006, jiena rbaħt scholarship fil-livell ta’ Dottorat. Id-deċiżjoni li mmur nistudja fl-Ingilterra biddlitli ħajti. L-esperjenza tiegħi, bil-ferħ u l-motivazzjoni u bl-isfidi u d-diffikultajiet li ġġib magħha, għenitni nkun dak li jien illum.
Id-Dottorat tiegħi għamiltu fi tliet snin. Matul il-kors, tgħallimt naħdem ma’ persuni li qed jaffaċċaw varjetà ta’ problemi tas-saħħa mentali b’mod terapewtiku. Tgħallimt nuża mudelli differenti, speċjalment fil-qasam ta’ Cognitive Behavioural Therapy u Psychodynamic Therapy. Ir-riċerka fformat parti integrali mill-kors li għamilt. Il-ħiliet li ksibt huma ta’ valur kbir ukoll fix-xogħol kliniku.
Kelli l-possibbiltà li naħdem ma’ ammont ta’ aġenziji b’riżultat tad-Dottorat, kemm aġenziji privati kif ukoll governattivi, jiġifieri n-National Health Service. Tgħallimt ħafna minn dawn l-esperjenzi. Wara li spiċċajt minn dan il-kors bdejt naħdem minnufih man-National Health Service f’Londra (fl-inizjattiva Improving Access to Psychological Therapies – IAPT) u ngħatajt il-possibbiltà li nagħmel kors ieħor biex inkompli nispeċjalizza f’Cognitive Behavioural Therapy.
Wara li lestejt l-istudji tiegħi u ggradwajt mit-tieni kors komplejt naħdem għal sentejn oħra bħala terapista fl-istess servizz. Fl-aħħar sena kont anki nħarreġ u nagħmel superviżjoni ta’ trainee clinical psychologists u trainee counselling psychologists li kienu jaħdmu fit-tim tiegħi.
Illum fl-Ingilterra nista’ nuża t-titlu ta’ counselling psychologist u CBT psychotherapist. B’hekk, nista’ ngħid li l-ħolma tiegħi saret realtà permezz tal-borża ta’ studju li ħadt. L-ischolarship ipprovdieli parti importanti mill-għajnuna finanzjarja meħtieġa li għenitni nlaħħaq mal-ispejjeż involuti biex nagħmel kors bħal dan. Il-fatt li rnexxieli nieħu scholarship kien boost morali għalija, li sibtu essenzjali biex negħleb l-isfida li tagħmel Dottorat. L-ischolarship għeni biex inkompli nimxi t-triq li bdejt, anke f’mumenti li dehru diffiċli wisq biex tegħleb.
Minn meta ħallejt pajjiżi biex nibda dan il-vjaġġ sitt snin ilu, irnexxieli nakkwista esperjenza unika li għenitni navvanza fuq il-post tax-xogħol u anke fl-iżvilupp personali tiegħi. Inħares b’entużjażmu li fil-futur insarraf din l-esperjenza li ksibt f’Malta stess, biex inrodd lura ftit mill-ħafna li tani pajjiżi.
Nawgura lilkom l-istudenti li qegħdin tibdew il-vjaġġ tagħkom bil-borża ta’ studju li ħadtu.
Other Press Releases:
PR262025en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR262025