DISKORS MINN EMANUEL BALZAN, LI ĦA BORŻA TA’ STUDJU MILL-ISKEMA STEPS U GĦAMEL MASTER OF SCIENCE IN INTEGRATED PRODUCT DEVELOPMENT
Prim Ministru,
Ministru,
Mistednin distinti,
Studenti,
Lilkom l-istudenti, nifirħilkom talli ntgħażiltu mill-bord tal-programm STEPS u iktar minn hekk, nifirħilkom għad-deċiżjoni importanti li ħadtu li tkomplu bl-istudji tagħkom.
F'din it-taħdita se naqsam magħkom l-esperjenza tiegħi tal-programm STEPS. Għeżież sinjuri, għandkom quddiemkom xhieda tal-investiment fl-istudent u l-ħaddiem ta' għada.
Nistqarr magħkom li jien ma kontx inkun qiegħed hawn li ma kienx għal dan il-programm. Bħali hawn oħrajn li fittxew li jimirħu iktar 'il bogħod fl-istudji tagħhom. STEPS kien ta' għajnuna kbira għalihom biex isegwu l-passjoni tagħhom fir-riċerka u jgħaddu għall-edukazzjoni postgradwatorja.
Meta ntlabt nagħti din it-taħdita, ftakart f'meta tliet snin ilu, f'din l-istess sala, bħalkom attendejt għal ċerimonja bħal din. Dak iż-żmien kont għadni ma spiċċajtx il-kors fl-Electrical Engineering (Inġinerija Elettrika). Kont għadni ma bdejtx naħdem u għalhekk ma stajtx nibda l-kors ta’ wara l-gradwazzjoni mill-ewwel. Kienu proprju t-tutor tiegħi u lecturers oħrajn li għarrfuni bl-iskema STEPS li minnha stajt nibbenefika biex nikseb borża ta' studju.
Illum nifhem u napprezza iktar minn tliet snin ilu xi tfisser borża ta' studju. Ix-xewqa li navvanza, ir-rieda li kelli, flimkien mal-għajnuna mill-programm kienu strumentali biex stajt nikseb riżultat li llum jien kburi bih. Jien għażilt li nagħmel kors ta' Masters part-time. Bħalma hu għal kull wieħed u waħda minnkom, għalija x-xogħol kien prijorità biex nibda nippjana l-futur tiegħi. Għalkemm ridt inkompli nistudja, ix-xogħol seta' jwaqqafni milli nwettaq din il-ħolma. Għaldaqstant, illum, b'wiċċi minn quddiem ngħid li l-programm STEPS għalija ssarraf f'ħafna ġid. Grazzi mill-ġdid tal-opportunità li tajtu lili u lil sħabi studenti oħrajn.
Il-kors tal-Masters li dħalt għalih kien f'Integrated Product Development. L-iskop tiegħi kien li nwessa' l-għarfien fl-inġinerija u fl-istess ħin fil-management bil-ħsieb li iktar 'il quddiem, fil-qasam tax-xogħol, stajt niltaqa' ma' sfidi li jinvolvu l-inġinerija mekkanika.
L-ewwel impieg tiegħi kien proprju fil-qasam tal-manifattura. Nafu kemm hi importanti din l-industrija f'Malta u kemm tħaddem nies. Huma ħafna l-proċeduri involuti fil-proċess biex prodott jew servizz jiżviluppa minn kunċett jew idea għal prodott finali. Dawn il-proċeduri jibqgħu għaddejjin saħansitra wara li jinbiegħ il-prodott. Il-kors tani l-ħiliet meħtieġa biex nagħraf metodi li bihom intejjeb il-kwalità tal-prodott innifsu u wkoll ta' dawn il-proċeduri involuti fit-tlestija tiegħu, inkluż għarfien ta' sistemi li jnaqqsu l-ispejjeż. Il-kors ħarriġni fl-ippjanar effiċjenti meħtieġ fil-manifattura u f'ħiliet li jgħinuni nifhem minn fejn tkun ġejja problema f'dan il-qasam u kif tista' tissolva.
Ir-riċerka u l-innovazzjoni ma naqsux. Illum il-ġurnata naħdem bħala Research Engineer mal-kumpanija MARSEC-XL fil-qasam marittimu. Ċerti ħiliet u sistemi li tgħallimt matul il-kors applikajthom fir-riċerka u fil-mod ta' kif isiru proċeduri li jżidu l-effiċjenza u l-kwalità tas-servizz tagħna. Bl-istess mod, matul il-kors irnexxieli ngħaqqad il-passjoni tiegħi fl-ICT mal-qasam tal-manifattura.
Il-fatt li l-lecturers tal-kors kienu ġejjin minn oqsma tax-xogħol differenti, kien vantaġġ. L-esperjenzi li qasmu magħna għad ikunu utli għalina meta 'l quddiem aħna wkoll niġu wiċċ imb wiċċ ma' sitwazzjonijiet li jitolbu minna soluzzjonijiet effiċjenti fil-qasam tax-xogħol.
Nispiċċa dan id-diskors billi nħeġġiġkom tibqgħu tistinkaw u ma taqtgħux qalbkom. Jiġu mumenti meta tħossukom li ma tistgħux tlaħħqu mal-impenji kollha u forsi tgħaddu minn żminijiet diffiċli iżda ibqgħu sodi.
Emmnu fikom infuskom. Tinsabu fil-bidu ta' triq li għalkemm taf tkun diffiċli, fl-aħħar tagħha timliekom b'sodisfazzjon kbir. B'kuraġġ u b'determinazzjoni, ukoll jekk ikollkom tissagrifikaw affarijiet żgħar fil-ħajja ta' kuljum, jirnexxielkom taslu.
Awguri.
Other Press Releases:
PR262025en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR262025