DISKORS MINN FLEUR CARUANA, LI ĦADET BORŻA TA’ STUDJU MILL-ISKEMA STEPS U GĦAMLET MASTER OF SCIENCE IN ENGINEERING MANAGEMENT
Prim Ministru,
Ministru,
Mistednin distinti,
Studenti,
Jisimni Fleur u fl-2007 ggradwajt mill-Università ta’ Malta fl-inġinerija mekkanika. Malli ggradwajt, bdejt naħdem mal-ProMinent, li hija kumpanija tal-manifattura Ġermaniża bbażata f’Malta. Waqt li kont qiegħda naħdem ma’ din il-kumpanija, kelli l-opportunità li nipparteċipa f’diversi proġetti interessanti, inkluż fir-rilokazzjoni ta’ impjant tal-manifattura.
Minn dejjem xtaqt li nkompli navvanza fl-istudji tiegħu, u kont iffurtunata li rbaħt borża ta’ studju taħt l-iskema STEPS fl-2009. B’hekk, stajt inkompli nagħmel Masters permezz ta’ distance learning. Permezz ta’ kors ta’ Masters in Engineering Management fl-Università ta’ Brunel, Londra, stajt inkompli naħdem u nistudja, u anke nimplimenta direttament l-ideat u l-kunċett li kont qed nistudja fuq il-post tax-xogħol.
Forsi tistaqsu, għaliex Engineering Management? Bl-isfidi li qegħdin naffaċċaw ta’ kuljum fuq livell globali, hemm bżonn li l-kumpaniji u l-industrija jintegraw iktar il-ħiliet tekniċi u maniġerjali biex jilqgħu għall-ħtiġiet tas-seklu 21. Fl-industrija teknoloġika tal-lum, huwa essenzjali li l-inġiniera jkunu jafu dwar il-prinċipji tal-management u l-liġi. Dan jagħti vantaġġ kompetittiv lill-industrija li jaħdmu fiha.
Dan il-Masters għeni biex niżviluppa varjetà ta’ ħiliet li huma essenzjali għax-xogħol tiegħi, inkluż l-immaniġjar tar-riżorsi umani u tal-proġetti, l-istrateġija, u d-disinn u l-immaniġjar ta’ supply chains f’kuntest ta’ inġinerija. Bħala parti ntegrali mill-istudji tiegħi, għamilt investigazzjoni fil-fond dwar il-prinċipji tal-manifattura li jużaw l-intrapriżi żgħar u medji Maltin. Dan l-istudju ġie ippremjat mill-Università ta’ Brunel bħala l-aqwa Engineering Dissertation tal-kors.
Fid-dawl tal-isfidi ekonomiċi li qed naffaċċaw, il-Gvern, id-dinja akkademika u l-industrija lkoll jaqblu dwar il-ħtieġa ta’ aktar gradwati li jtejbu l-valur u l-innovazzjoni fil-manifattura. Inizjattivi bħall-għoti tal-boroż ta’ studju jixhdu l-impenn tal-Gvern biex ikompli jinvesti fl-edukazzjoni għall-ġid tal-industrija u x-xogħol.
Nikkonkludi billi nawgura lil kull min illejla qiegħed jingħata borża ta’ studji għall-istudji u għall-futur tagħhom. Nawgura li l-borża ta’ studju tagħkom tagħtikom l-istess sodisfazzjon li ħadt jiena.
Stqarrijiet Oħra:
PR262025en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR262025