Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAŻJONI TAL-GĦOTI TAL-MALTA GOVERNMENT SCHOLARSHIPS’ SCHEME – POSTGRADUATE SCHEME U L-ISCHOLARSHIPS TAĦT L-ISKEMA STEPS - ĊENTRU TAL-MEDITERRAN GĦALL-KONFERENZI, VALLETTA - IT-TLIETA, 23 TA’ OTTUBRU

pr2319
Date Icon 23/10/2012

Mistednin Distinti,

Studenti,

Ġenituri,

Sinjuri,

L-okkażjoni tal-lum hija waħda ta’ sodisfazzjon u ta’ ottimiżmu għalina lkoll.

Fostkom l-istudenti miġbura teżisti aspettattiva għolja għall-ġejjieni. Permezz ta’ dawn il-boroż ta’ studju, qegħdin tkomplu tistudjaw u tagħmlu riċerka f’oqsma li tixtiequ tiżviluppaw karriera fihom.

Fost il-ġenituri jeżisti sodisfazzjon kbir għall-kisba ta’ wliedkom. Wara snin twal ta’ sagrifiċċji, illum qed niċċelebraw pass importanti għall-futur ta’ wliedkom.

Għalija u għall-Gvern immexxi minni, l-għoti ta’ dawn il-boroż ta’ studju għandu wkoll importanza straordinarja. F’kull Masters u Dottorat li qegħdin nippremjaw illejla qed jiġi esibit il-potenzjal strateġiku ta’ pajjiżna.

Dan huwa l-pedament ewlieni li fuqu huma mibnijin iż-żewġ skemi tal-boroż ta’ studju MGSS – Malta Government Scholarship Scheme – u l-iSTEPS – Strategic Educational Pathways Scholarships. L-għoti ta’ dawn il-boroż ta’ studju huwa r-riżultat ta’ viżjoni fit-tul - li nħarsu ‘l fejn irid jimxi pajjiżna fis-snin li ġejjin. Dawn il-boroż ta’ studju jindirizzaw l-opportunitajiet li jista’ jisfrutta pajjiżna f’għadd ta’ oqsma differenti, inkluż it-teknoloġija tal-informatika u l-komunikazzjoni, ix-xjenza u s-settur finanzarju.

Permezz ta’ dawn il-boroż ta’ studju, qed niżviluppaw il-potenzjal ta’ pajjiżna u ntejbu l-kompetittività tagħna. B’aktar żgħażagħ speċjalizzati, qed inwittu t-triq għall-ħolqien ta’ ideat innovattivi ġodda, aktar investiment u aktar postijiet tax-xogħol f’pajjiżna b’pagi tajbin. F’dawn l-4 snin ħloqna 20,000 post tax-xogħol ġdid.  Mingħajr edukazzjoni ta’ kwalità għolja, taħriġ u opportunitajiet għaż-żgħażagħ pajjiżna ma kienx ikun jista’ joħloq dawn l-impjiegi.

Għalhekk f’dawn l-aħħar snin, żidna b’mod sostanzjali l-boroż ta’ studju mogħtija mill-Gvern. Għaliex nafu wkoll li b’aktar speċjalizzazzjoni jinħolqu aktar impjiegi ġodda.

Din is-sena, tajna aktar minn 350 borża ta’ studju, fosthom 316-il borża llum taħt l-iskemi MGSS u STEPS.  Il-boroż ta’ studju li qegħdin nagħtu din is-sena huma frott proċess li beda fl-2006, u li permezz tiegħu frixna l-opportunitajiet biex aktar studenti javvanzaw f’oqsma speċjalizzati.

Fl-2006, nedejna l-Malta Government Scholarship Scheme fil-livelli ta’ Masters jew Dottorat. Sena wara, wessajna din l-iskema biex nagħtu appoġġ lil studenti fil-livell ta’ Baċellerat ukoll.

Fl-2008, il-Gvern ħa d-deċiżjoni strateġika li jinvesti €10 miljun mill-fondi tal-Unjoni Ewropea li huma disponibbli għal Malta fl-iStrategic Educational Pathways Scholarships. Is-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea sarrafniha f’opportunitajiet biex l-istudenti jispeċjalizzaw u jiżviluppaw l-ideat.

Sentejn ilu, ħadna d-deċiżjoni li nkomplu nifirxu l-boroż ta’ studju aktar, din id-darba fl-oqsma speċjalizzati tal-arti. B’kollox, f’dawn is-sentejn, tajna 35 borża ta’ studju lil studenti li qed jispeċjalizzaw fl-arti, iż-żfin, it-teatru, il-logħob diġitali, id-disinn, il-kant u oqsma oħrajn.

Din is-sena, tajna 12-il borża ta’ studju biex studenti Maltin jibdew l-istudji barra minn xtutna biex isiru veterinarji. Id-domanda għall-veterinarji huwa riżultat ta’ żieda qawwija fil-kuxjenza favur l-annimali u t-trobbija tajba tagħhom.

Din is-sena, tajna l-ewwel 14-il borża ta’ studju għal speċjalizzazzjoni fl-oqsma tal-isport, inkluż fil-psikoloġija sportiva, in-nutrizzjoni u l-fiżjoterapija. B’hekk, pajjiżna qed jagħmel qabża ta’ kwalità fil-qasam tal-isport. Dan jorbot ma’ diversi inizjattivi oħra li ħadna, inkluż il-ftuħ tal-ewwel skola nazzjonali tal-isport f’Ħal Kirkop din is-sena.

Aktar kmieni dan ix-xahar, nedejna l-iskema Scholarships to Achieve Results – STAR – għal studenti li jridu jiksbu degree jew ċertifikazzjoni oħra ta’ livell 6 fil-qafas tal-kwalifiki Maltin, fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji, u t-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. Il-Gvern qed jinvesti €1.5 miljun fuq medda ta’ tliet snin f’dawn l-oqsma.

Minn mindu bdejna nagħtu l-boroż ta’ studju, il-Gvern ta aktar minn 2,000 borża ta’ studju, b’investiment ta’ €19-il miljun.  Tajna futur aħjar lil 2,000 żagħżugħ u żagħżugħa. Smajna l-lejla l-esperjenzi ta’ tliet żgħażagħ li diġà gawdew minn scholarship – Fleur, Dorothy u Emanuel. Smajna d-determinazzjoni tagħhom, l-entużjażmu, il-ħeġġa, ir-riżultati li ġabu u fuq kollox is-suċċess li qed jagħmlu.  Prosit u awguri lilkom, lil min kien ta’ spalla għalikom – il-ġenituri tagħkom u sħabkom. 

Dawn il-boroż ta’ studju qed jintlaqgħu b’ħafna entużjażmu mill-istudenti Maltin u Għawdxin. L-għoti ta’ boroż ta’ studju, flimkien mas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, qed iwessgħu l-orizzonti u l-opportunitajiet taż-żgħażagħ biex ikomplu jispeċjalizzaw.

Naturalment, bħal kull skema kompetittiva oħra, flimkien mas-suċċess tagħkom li qegħdin tieħdu l-borża ta’ studju, hemm oħrajn li huma diżappuntati li ma ħadux scholarship.  Ħsibijieti hu ma’ tagħhom ukoll.

Lil dawn l-istudenti ngħidilhom taqtgħux qalbkom. L-investiment li qed tagħmlu fl-istudji tagħkom huwa investiment fil-futur tagħkom u għad irendilkom lura. Fl-istess waqt, intenni l-impenn tal-Gvern li jibqa’ jżid l-investiment fl-istudenti u fl-edukazzjoni, biex anki min ma kellux opportunità jieħu scholarship sa issa, ikollu ċans aktar ‘il quddiem.

Sinjuri,

L-investiment fl-edukazzjoni huwa investiment b’kull wieħed u waħda minnkom. Hu investiment fil-futur ta’ pajjiżna. Hu investiment f’ideat innovattivi li jistimulaw l-ekonomija u joħolqu l-postijiet tax-xogħol b’pagi tajbin.

Irridu aktar żgħażagħ gradwati li jieħdu d-deċiżjoni li jkomplu jistudjaw f’livelli ta’ Masters u ta’ Dottorat. Il-politika u l-viżjoni li qed niżviluppaw bħala pajjiż qed tieħu l-ħajja permezz ta’ aktar gradwati li jisfruttaw il-potenzjal kbir tagħna.

Huwa bis-saħħa tal-ideat u l-kapaċità tagħna li niddiversifikaw u nadattaw għall-isfidi, li pajjiżna qiegħed jimxi ‘l quddiem filwaqt li pajjiżi oħra qed jesperjenzaw problemi soċjali u ekonomiċi.

Fuq kollox, nemmnu fit-talenti, fil-kapaċitajiet u fil-potenzjal tagħkom. Permezz tal-boroż ta’ studju qed niżviluppaw l-aqwa riżorsa li għandha pajjiżna: ir-riżorsa umana.

Il-viżjoni tagħna hija msejsa madwar l-individwu u l-kapaċitajiet tiegħu. Dawn il-boroż ta’ studju huma għodda biex intkom issarrfu t-talenti u l-ħiliet tagħkom f’opportunitajiet.

Irridukom tilħqu l-aspirazzjonijiet tagħkom u tiżviluppaw karrieri li jagħtukom sodisfazzjon.

Nawguralkom kull suċċess f’dan il-pass ġdid li qegħdin tieħdu.

Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  Minister Silvio Schembri opens Tech Xpo and launches Malta’s AI Strategy 2.0

PR262025en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Il-Ministru Silvio Schembri jniedi t-tieni Strateġija Nazzjonali għall-Intelliġenza Artifiċjali fil-ftuħ tat-Tech Xpo

PR262025

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow