STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI, EKONOMIJA U INVESTIMENT
Filwaqt li l-Gvern jerġa’ jinnota b’sodisfazzjon li finalment Dott Muscat qed jirrealizza li l-investiment fl-estensjoni tal-Power Station f’Delimara huwa investiment importanti biex pajjiżna jibqa’ jattira investiment u xogħol f’pajjiżna, jiċċara li l-allarmiżu tiegħu għall-provvista ta’ enerġija fl-immedjat hija perikoluża u mhux fattwali.
Il-medja tat-talba ta’ enerġija bħalissa hija ta’ madwar 333 MW – bl-ogħla peaks tax-Xitwa f’perjodi ta’ kesħa jilħqu massimu ta’ 368 MW. Għandu jkun iċċarat li l-impjant ta’ Delimara waħdu jiflaħ jiġġenera kważi 300 MW, filwaqt li ż-żewġ boilers u l-Gas Turbine tal-Marsa li qed jintużaw fil-preżent jiġġeneraw bejniethom 157 MW. Dan ifisser li d-domanda attwali tal-enerġija tista’ tintlaħaq mingħajr il-ħtieġa li jinxtegħlu l-erba’ boilers l-oħra tal-Power Station tal-Marsa. Naturalment, dawn ikunu disponibbli fil-każ li jkun meħtieġ.
Naturalment, l-importanza tat-tħaddim tal-impjant il-ġdid ta’ Delimara tibqa’ kruċjali għaliex se tfisser effiċjenza akbar fl-użu ta’ enerġija, tnaqqis tal-konsum ta’ fuel u tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet fl-arja.
Madankollu, l-impressjoni li qed jagħti Dott Muscat li pajjiżna se jispiċċa dipendenti fuq Power Station tal-Marsa mhix korretta u tagħmel ħsara għax tgerrex l-investiment u l-impjiegi. Il-Gvern jappella għall-prudenza u kontra kull allarmiżmu li ċerament mhux fl-interess tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Other Press Releases:
PR262025en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR262025