STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJIET RURALI
• €1.5 miljun fi tlett snin fi skema għal min ikabbar it-tadam għall-iproċessar.
• Proġett ta’ bini ta’ serrer fl-Għammieri biex issir aktar riċerka.
Għat-tlett snin li ġejjin il-Gvern se jinvesti €1.5 fuq tlett snin fil-bdiewa li jkabbru t-tadam għall-ipproċessar. Dan ħabbru l-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali George Pullicino flimkien mal-Assistent Parlamentari l-Onor Philip Mifsud, waqt li żaru x-xogħlijiet li jinsabu għaddejjin fuq bini ta’ serer ġodda fl-għammieri li se jintużaw biex issir aktar riċerka anki fuq it-tadam.
L-għan tal-iskema hu li tinħoloq sistema aktar komprensiva fil-katina tal-ipproċessar tat-tadam mill-għalqa sal-platt tal-konsumatur. L-għajnuna li se tingħata għandha twassal biex il-prodott finali magħmul mit-tadam Malti ikun preżentat fis-suq bl-aħjar mod possibbli biex il-konsumatur imur aktar biex jagħżel dan il-prodott.
Il-fiduċja fil-prodott li artna tiproduċi qegħda kull ma jmur tiżdiet. Fuq it-tadam kulħadd jaqbel li t-tadama ta' Malta kemm fit-tgħoma kif ukoll fil-freskezza tagħha peress li tasal fi djarna fi żmien qasir minn meta tkun inqatgħet mill-għalqa, hi superjuri fil-kwalità tagħha. Biss hemm bżonn li l-prodott Malti ta’ kwalità ikun distint minn prodotti oħra inferjuri. Biex dan issir hemm bżonn ħidma akbar fil-preżentazzjoni tal-prodott ta’ kwalità.
Il-Ministru Pullicino qal li din l-iskema li se tidħol fis-seħħ għandha wkoll l-għan biex twassal tistimola aktar dan is-settur, kemm biex il-bdiewa preżenti ikompli javvanzaw f’din l-attività kif ukoll, biex anki bdiewa oħra jagħżlu li jidħlu biex ikabru t-tadam.
L-integrazzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-iproċessar tat-tadam, għandha twassal ukoll biex il-bdiewa jingħataw prezz aktar ġust għal ħidma tagħhom. F’pajjiżna insibu ħames Organizzjonijiet tal-Produtturi tat-tadam għall-Ipproċessar filwaqt li nsibu tlett proċessuri tad-tadam. Preżenti għal konferenza tal-aħbarijiet illum kien hemm ukoll rapreżentati mill-organizazzjonijiet tal-produtturi li flimkien maghhom fil-ġranet li ġejjin uffiċjali mid-Dipartiment tal-Agrikoltura se jkollhom taħdidiet magħhom fuq kif se titħaddem is-sistema biex fl-aqsar żmien possbbli tibda tiffunzjona. Il-produzzjoni lokali tat-tadam għall-industrija tal-ipproċessar għas-sena 2012 kienet tammonta għall- aktar minn 6,200 tunnellata. It-total tal-produtturi tat-tadam għas-sena 2012 kien ta’ 211-il bidwi.
Il-Ministru Pullicino qal ukoll li f’dawn is-sentejn ma kienx hawn il-marda tat-tuta absoluta. Din hija marda li tattakka prodotti agrikoli, bħalma huma t-tadam, u li sa sentejn ilu ħolqot ferment kbir fost il-komunità agrikola tagħna. b’koperazzjoni sħiħa bejn il-Gvern, il-produtturi, l-għaqdiet tal-bdiewa, għaqdiet tal-produtturi tat-tadam u anke l-proċessuri lokali twettaq pjan li ta riżultati pożittivi kontra din il-marda li sar b’allokazzjoni finanzjarja ta’ €300,000
il-Ministru Pullicino temm jgħid li fl-għammieri qed jinbenew numru ta’ serer ġodda bil-għan li fihom tkompli ssir aktar riċerka ukoll fuq it-tadam. Dan iċ-ċentru tal-Għammieri qed isaħħaħ l-irwol tiegħu ta’ ċentru nazzjonali għall-iżvilupp tas-settur agrikolu f’Malta fl-aspetti kollha tiegħu. Fiċ-Ċentru tal-Għammieri qed isiru ’l fuq minn 20 proġett differenti ta’ riċerka. Dawn jinkludu provi u proġetti kemm fl-uċuħ tar-raba kif ukoll fit-trobbija tal-annimali.
Other Press Releases:
PR262025en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR262025