SENA AKKADEMIKA ĠDIDA GĦAL 55 ANZJAN F’GĦAWDEX
Dalgħodu reġa’ ngħata bidu għal sena akkademika oħra li fiha grupp ta’ 55 persuna anzjana ser ikunu qed jattendu l-Università tat-Tielet Età (U3E) f’Għawdex. Il-kors ta’ attivitajiet marbut ma’ din l-inizjattiva kien beda 16-il sena ilu fuq inizjattiva tal-Ministeru għal Għawdex.
Bħas-snin l-imgħoddija ġiet organizzata quddiesa fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum f’Għajnsielem u wara saret laqgħa ta’ introduzzjoni għal dawk li ser jibdew il-kors ta’ din is-sena. Il-parteċipanti kellhom ukoll l-okkażjoni li jiltaqgħu flimkien waqt riċeviment żgħir.
Ġiet imħabbra wkoll inizjattiva partikolari għal din is-sena. Kull parteċipant li ser jattendi l-kors tal-U3E din is-sena, ser jippreżenta riċetta tradizzjonali Għawdxija biex eventwalment joħroġ ktieb ta’ riċetti Għawdxin mill-imgħoddi. Din l-inizjattiva ssegwi żewġ inizjattivi oħra li ttieħdu fis-snin li għaddew li permezz tagħhom ġie ppublikat il-ktieb “Iż-Żifna ta’ Żmienhom” kif ukoll is-CD “Memorji Għawdxin”. Ingħata tagħrif dwar l-andament tal-kors għal matul is-sena fejn l-ewwel semestru, li jkopri 13-il lezzjoni bejn Ottubru u Frar, ser jitratta l-Psikoloġija tal-Personalità minn Rev. Anthony Theuma u l-Kristjani f’Dinja Għarbija: Sena wara r-Rebbiegħa Għarbija minn Rev. Dr Joe Vella Gauci. It-tieni semestru li jkopri 13-il lezzjoni bejn Frar u Ġunju ser jitratta l-Iżvilupp Kostituzzjonali ta’ Malta u Għawdex minn Prof. Edward Warrington u tagħlim dwar is-saħħa mit-tabib Dr Mario Saliba. Il-lezzjonijiet ser jibdew nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Ottubru 2012 u ser isiru fil-Kampus tal-Università fix-Xewkija u fiċ-Ċentru għal Matul il-Jum f’Għajnsielem.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono ngħaqdet mal-parteċipanti anzjani għal ftuħ ta’ din is-sena akkademika. Hija esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-parteċipazzjoni inkoraġġanti li kien hemm għal dan il-kors matul is-snin u qalet li l-parteċipazzjoni tal-anzjani fil-U3E toffri opportunità lil parteċipanti fuq bażi individwali biex iżommu ruħhom attivi, filwaqt li tkun ta’ benefiċċju għas-soċjetà Għawdxija. Dan jikseb valur addizzjonali meta wieħed iqisu fil-kuntest tas-sena Ewropea għall-Anzjanità Attiva. Hija ħeġġet lil dawk preżenti biex jippromwovu dawn l-inizjattivi biex oħrajn ikunu jistgħu jaqsmu magħhom l-esperjenzi li jagħmlu flimkien.
Il-kors tal-U3E f’Għawdex huwa kkoordinat mis-Sezzjoni għall-Anzjani u Bżonnijiet Speċjali fid-Dipartiment tal-Customer Services fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Din is-sezzjoni tikkoordina wkoll għajnuna lill-anzjani fid-djar tagħhom, is-servizzi tal-meals-on-wheels u l-handyman, kif ukoll l-attivitajiet ġewwa ċ-ċentru ta’ matul il-jum. Dawn is-servizzi jiffaċilitaw il-ħajja għal bosta anzjani Għawdxin biex ikunu jistgħu jkomplu jgħixu ħajja normali fi ħdan il-komunità tagħhom.
Other Press Releases:
PR262025en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR262025