Left arrow Go Back

IL-PREMJU TAL-PRESIDENT GĦALL-KREATTIVITÀ

pr2280
Date Icon 18/10/2012

“Il-kreattività hija karatteristika fondamentali tal-bniedem għax il-bniedem biss hu mogħni b’din il-kwalità.  Il-kreattività hija dik il-ħila li wieħed joħloq xi ħaġa ġdida u utli, proċess li bih tiġi prodotta xi ħaġa oriġinali u siewja.  Il-kreattività tista’ tidher f’kull qasam tal-attività umana u tista’ tieħu ħafna forom differenti.  Għalkemm persuna tista’ tkun kreattiva aktar minn oħra, naħseb li m’hemm ħadd li huwa nieqes għal kollox minn xi livell ta’ ħila kreattiva.  Il-Premju tal-President għall-Kreattività huwa, għalhekk, aċċessibbli għat-tfal u ż-żgħażagħ kollha li għandhom xi talent u li jeħtieġu għajnuna biex jagħmlu dan.”  Hekk qal il-President George Abela waqt li tħabbru ir-rebbieħa tal-Premju tal-President ghall-Kreattività fejn din is-sena kienu 16 tfal, 4 żgħażagħ u 8 proġetti għall-komunità li ħadu l-premju għas-sena 2012.

Dan il-premju jinkoraġġixxi lil kull tifel u tifla jew żagħżugħ jew żagħżugħa li għandhom xi ħila kreattiva sabiex jaħdmu biex jiżviluppawha u, jekk jeħtieġu xi għajnuna, il-premju jkun jista’ jgħin permezz ta’ fondi dedikati apposta.  Il-premju, għalhekk, għandu l-iskop preċiż li jgħin fl-iżvilupp ta’ talenti ġodda u fit-tkattir ta’ ħidma marbuta ma’ proġetti tal-arti li jimpenjaw lit-tfal u ż-żgħażagħ fil-komunità.

“Il-premju huwa mmirat biex jilħaq tfal u żgħażagħ, speċjalment dawk vulnerabbli, li jeħtieġu l-għajnuna finanzjarja biex jagħmlu progress fit-talent tagħhom għax inkella jista’ jkun hemm ir-riskju li dan it-talent jintilef.  Pajjiżna hu nieqes minn riżorsi minerali u l-vera riżorsa tagħna hija dik umana.  Dan jimplika li ma nistgħu nittraskuraw l-ebda opportunità li ngħinu tfal u żgħażagħ irawmu t-talenti tagħhom. Għaldaqstant, il-premju jinqasam fi tliet programmi maħsuba wieħed għat-tfal, wieħed għaż-żgħażagħ u l-ieħor għall-komunità.” Kompla jgħid il-President Abela.

It-taqsima tat-tfal tindirizza għajnuna lejn tfal u żgħażagħ taħt is-sittax-il sena li juru talent eċċezzjonali fl-arti kreattiva, fosthom it-teatru, il-mużika, iż-żfin, is-snajja’ u d-disinn, il-kitba kreattiva, film u arti viżiva jew taħlita ta’ dawn.  Il-Premju tal-President għall-Kreattività (Tfal) jappoġġja l-potenzjal kreattiv ta’ tfal u żgħażagħ billi jgħinhom isegwu t-talenti kreattivi tagħhom sabiex jiksbu sens ogħla ta’ teknika u ħila.  Għalliema fl-iskejjel primarji u sekondarji, kif ukoll għalliema fl-ambjenti mhux formali u informali tat-tagħlim, ingħataw il-possibbiltà li jinnominaw l-aħjar talenti li qed jitfaċċaw fid-diversi oqsma tal-kreattività.

Din is-sena, sittax-il nominat f’din il-kategorija tal-Premju rċevew l-għajnuna.  L-istess ħsieb jinsab wara l-Premju marbut maż-żgħażagħ li juru talent eċċezzjonali fil-forom varji tal-arti, li jinkludu t-teatru, il-mużika, iż-żfin, is-snajja’ u d-disinn, il-kitba kreattiva, il-film u l-arti viżiva u jkollhom età bejn is-17 u l-25 sena.  Il-Premju huwa ddisinjat biex jagħti għajnuna materjali lil artisti ġodda u promettenti f’dawk li huma riċerka u żvilupp ta’ proġetti kreattivi flimkien ma’ operaturi kulturali.  L-idea hi li proġetti li jkunu se jiġu żviluppati għall-ewwel darba fuq livell professjonali minn individwi jew gruppi fl-oqsma kreattivi jkunu jistgħu jiġu realizzati permezz ta’ finanzjament mill-fond tal-premju.

Din is-sena f’din il-kategorija erba’ proġetti li jiffokaw l-aktar fuq il-letteratura u l-mużika ingħataw il-premju.

It-tielet kategorija tal-premju hija marbuta mal-komunità u hija diretta lejn organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet, sew jekk huma privati u sew jekk huma pubbliċi, li jħeġġu l-iżvilupp tal-kreattività fost it-tfal u ż-żgħażagħ żvantaġġjati.  Dan jinkludi proġetti li jimpenjaw artisti u professjonisti oħra biex jiżviluppaw u jirrealizzaw programmi ta’ kreattività li jħarsu lejn il-ħtiġijiet tat-tfal u taż-żgħażagħ fi ħdan il-komunità.

Il-President George Abela feraħ lil benefiċjarji li rnexxielhom joħolqu proġetti ta’ kreattività u awguralhom aktar suċċess fil-ġejjieni filwaqt li ħeġġeġ lill-għalliema u persuni responsabbli mit-tfal u ż-żgħażagħ sabiex jidentifikaw kandidati promettenti ħalli jiġu nominati għall-premju tas-sena li ġejja.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  Minister Silvio Schembri opens Tech Xpo and launches Malta’s AI Strategy 2.0

PR262025en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Il-Ministru Silvio Schembri jniedi t-tieni Strateġija Nazzjonali għall-Intelliġenza Artifiċjali fil-ftuħ tat-Tech Xpo

PR262025

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow