Left arrow Mur Lura

MNEDIJA L-GIMGĦA DDEDIKATA GĦAN-NEGOZJI ŻGĦAR U MEDJI

pr2208
Date Icon 09/10/2012

F’konferenza stampa li saret kmieni waranofsinhar, il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi flimkien mal-Kap tar-Rapprezentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, s-Sur Martin Bugelli nieda uffiċjalment sensiela ta’ attivitajiet li se jiġu organizzati f’ġimgħa li se tkun ddedikata għan-negozji żgħar u medji. Il-Ministru beda billi esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal fatt li Malta reġgħet kklassifikat fl-ewwel post fl-implimentazjoni tal-liġijiet għas-suq komuni u dan, qal l-Ministru jfisser li minkejja Malta m’għandix servizz pubbliku kbir daqs ta’ pajjiżi oħra, xorta eċċellat u tassew hi l-aħjar fl-Ewropa.

Dawn l-attivitajiet qed jiġu organizzati flimkien mal-Kummissjoni Ewropea li min naħa tagħha torganizza dawn l-attivitajiet madwar il-pajjizi kollha tal-Unjoni Ewropea. Din is-sena l-Kummissjoni Ewropea ħasbet sabiex tgħaqqad dawn l-attivitajiet flimkien ma’ dawk tas-Suq Uniku li din is-sena qed jiċċelebra l-għoxrin sena tiegħu.

Din il-ġimgħa ddedikata għal dawn l-avvenimenti se ssir bejn il-15 u l-21 ta’ Ottubru 2012. Intant qabel dawn id-dati, se jsiru żewġ attivitajiet oħra; waħda  għada, ddedikata għan-nisa bit-tema "Female Business Café"; seminar għan-nisa li ma jaħdmux, kif ukoll nisa attivi f’xi professjoni u studenti li jixtiequ jibdew in-negozju taghħom li fih tingħatalhom informazzjoni dwar ħiliet entraprenarji.

L-attività "Tapping Single Market Opportunities" li se ssir fil-11 ta’ Ottubru se tinkludi informazzjoni dwar diversi servizzi online li esportaturi u kumpaniji żgħar u medji jistgħu jużaw biex iwessgħu s-suq tagħhom għal dak internazzjonali. Wara s-seminar, il-parteċipanti se jkollhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ esperti minn diversi reġjuni.

Fost il-medda ta’ attivitajiet li qed jigu organizzati, It-Tnejn 15 ta’ Ottubru  se jiġu organizzati 3 sezzjonijiet bit-tema "Europe my Business" organizzati mill-Junior Achievement Young Enterprise  għall-istudenti, programm li jiffoka fuq l-Ewropa, ir-riżorsi tagħha u l-intrapriża.  It-Tlieta 16 ta’ Ottubru se tigi organizzata :"European Single Market – Discerning the Opportunities and Challenges for Maltese Business" ; konferenza nazzjonali li matulha se jkun hemm workshops , li fihom se jiġu spjegati opportunitajiet li hemm ta’ kummerċ fl-Ewropa. L-Erbgħa 17 ta’ Ottubru  se jigi organizzat Business Breakfast bit-tema "Accessing the Single Market" għall-komunità kummerċjali Għawdxija u persuni oħrajn interessati li jibbenifikaw mill-potenzjal tas-suq uniku. Il-Ħamis 18 ta’ Ottubru se jkun hemm konferenza dwar l-artiġjanat, liema attività se tindirizza kwistjonijiet tipiċi fis-qasam tas-snajja Maltin partikolarment fil-qasam turistiku. L-attivitajiet jilħqu l-qofol tagħhom il-Ġimgħa 19 u s-Sibt 20 ta’ Ottubru  bis-"Single Market Fair", fejn numru ta’ entitajiet bħall-Eures u l-EUPA se jkunu preżenti matul il-fiera biex jiltaqgħu mal-pubbliku u jirrispondu xi mistoqsijiet li jista’ jkollhom. 

Il-Ministru Azzopardi saħaq li dawn l-attiviatjiet għandhom iressqu flimkien kemm negozjanti kif ukoll nies oħra li għandhom għal qalbhom dan is-settur, sabiex flimkien jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, jitgħallmu minn xulxin u joħorġu b’ideat ġodda u innovattivi.

Is-Sur Martin Bugelli, Kap tar-Rapprezentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, saħaq li s-Suq Uniku Ewropew huwa pilastru fundamentali għall-futur tat-tkabbir ekonomiku Ewropew.

Preżenti kien hemm ukoll is-Sur Alex Scicluna, Kap Ezekuttiv ta’ Jubilee Foods li huwa intraprenditur li ngħata prominenza fil-magażin maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea bit-titlu "The Secret of Success". Dan il-magażin jagħzel fost l-aqwa intraprendituri madwar l-Ewropa li jkunu eċċellaw f’qasam specifiku. Is-Sur Scicluna se jkun qed jirrapprezenta lil pajjiżna ġewwa Brussell bejn il-15 u l-21 ta’ Ottubru flimkien ma’ rappreżentanti ta’ intrapriżi żgħar u medji oħra minn madwar l-Ewropa, sabiex jaqsam l-istorja ta’ suċċess tiegħu f’dak li jirrigwarda n-negozju tiegħu. F’dik il-ġimgħa stess, is-Sur Scicluna se jiġi rikonoxxut għas-suċċess li għamel fil-kumpanija tiegħu.

Il-Ministru Azzopardi qal li dan huwa tassew  unur għal pajjizna u jixhed id-dedikazzjoni u l-impenn li l-intraprendituri Maltin għandhom għan-negozju tagħhom. Huwa qal li dan huwa mod ieħor kif pajjiżna jingħata prominenza f’dak li jirrigwardja s-settur tan-negozji żgħar u medji u tafferma kemm dan is-settur huwa b’saħħtu f’pajjiżna.

Fl-aħħar nett il-Ministru Azzopardi, awgura li dawn l-attivitajiet jkunu ta’ suċċess u tenna jgħid li l-Gvern huma kommess u se jkompli jimpenja ruħu li jkompli jinċentiva u jgħin lil dan is-settur li huwa s-sinsla tal-ekonomija Maltija u li permezz tiegħu jissaħħu u jiżdiedu l-impjiegi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Disa’ persuni b’diżabilità jiksbu ħiliet ġodda għal aktar indipendenza u opportunitajiet ta’ xogħol

PR262022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Mediterranean Tourism Foundation meets the Speaker of the House of Representatives Carmelo Abela

PR262021en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...

Aktar Stqarrijiet Right arrow