DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, MINISTRU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KONSULTAZZJONI PUBBLIKA U L-FAMILJA, MATUL IĊ-ĊERIMONJA TAL-PREŻENTAZZJONI TAL-WARRANTS LILL-PSIKOLOGI – IL-BELT VALLETTA – IT-TLIETA, 9 TA’ OTTUBRU 2012
Sinjuri,
Membri tal-Malta Psychology Professions Board,
Presidenti tal-Assoċjazzjonijiet u unions,
Huwa ta’ pjaċir kbir għalija li qiegħed hawn illum biex nippreżenta dawn il-warrants li jippermettulkom tipprattikaw il-professjoni tal-psikoloġija.
Din iċ-ċerimonja qed issir ftit jiem wara li reġgħu fetħu l-bibien tal-iskejjel tagħna u ftit ġimgħat qabel nassistu għal jiem sħaħ ta’ gradwazzjonijiet li jimlewna lkoll b’sodisfazzjon.
L-edukazzjoni kienet, għadha u tibqa’ prijorità għolja għall-Gvern. Nibqgħu ninsistu biex uliedna jkollhom l-aqwa u l-aħjar edukazzjoni. Għandna għall-qalbna l-iżvilupp ta’ uliedna u taż-żgħażagħ tagħna. Bħala Gvern kontinwament impenjati biex bl-edukazzjoni noħolqu ġenerazzjoni wara l-oħra ta’ Maltin li huma lesti għal aktar xogħol u xogħol aħjar. Għall-Gvern l-edukazzjoni tibqa’ l-aqwa għodda għall-ħolqien ta’ xogħol ta’ kwalità u kull ċenteżmu li l-Gvern ipoġġi fl-edukazzjoni huwa investiment.
Bħala pajjiż niddependu fuq ir-riżorsa umana u l-ħiliet tal-ħaddiema Maltin huma l-aqwa reklam għall-investiment f’pajjiżna. Għalhekk ninvestu bil-mod kif nagħmlu fl-università, li fetħet ftit tal-jiem ilu b’numru rekord ta’ aktar minn 11,300 student, il-maġġoranza nisa. Għandna 18,600 student igawdu mill-istipendji b’investiment ta’ 23 miljun euro fis-sena. Għandna 1,550 student jibbenefikaw minn boroż ta’ studju biex ikomplu jispeċjalizzaw u kburin bis-6,000 student li għandna l-MCAST jistudjaw f’oqsma differenti bħall-manutenzjoni tal-ajruplani, l-IT u s-servizzi finanzjarji.
Irridu li jkollna l-aqwa gradwati, l-aqwa nies imħarrġa biex pajjiżna jkompli jattira u joħloq ix-xogħol. Għalhekk kull sena qed ninvestu 6,000 euro fuq kull student u studenta f’Malta u Għawdex.
Għalhekk okkażjoni bħal tal-lum timlina lkoll b’sodisfazzjon għax qed nagħtu lill-pajjiżna grupp sabiħ ta’ ħaddiema li speċjalizzaw f’qasam tant importanti, bħal ma hu l-psikoloġija.
Waqt li l-professjoni hija waħda relattivament ġdida u li qed tkompli tinbidel u tevolvi rapidament, il-Gvern huwa kommess li jara s-servizzi psikoloġiċi offruti f’pajjiżna jikbru u jinfirxu. Dan jinkludi wkoll it-tagħlim tal-psikoloġija fl-iskejjel tagħna.
Bħala Gvern nemmnu li settur b’saħħtu tal-psikoloġija jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-iżviupp pożittiv tas-soċjetà tagħna.
Il-psikoloġija taffettwa kull aspett tal-mod kif – bħala bnedmin – naħdmu u ninteraġixxu ma’ oħrajn. Mill-iżvilupp tat-tfal sal-ħajja familjari, għas-snin fuq il-bankijiet tal-iskola u l-esperjenzi fuq il-post tax-xogħol, l-għarfien psikoloġiku jista’ jgħinna nadottaw modi ta’ ħajja iżjed sani u iżjed b’saħħithom.
Bħala poplu għandna nkunu grati għas-servizz tal-psikologi u għal dawk li jaħdmu fid-dinja tal-psikoloġija. Il-psikoloġija tgħinna biex noħolqu soċjetà iżjed pożittiva, fejn ilkoll kemm aħna nilħqu livelli ogħla ta’ kwalità ta’ ħajja u ngħixu f’serenità magħna nfusna u ma’ dawk ta’ madwarna.
Illum l-għarfien psikoloġiku huwa ta’ valur mhux biss fil-kuntest ta’ relazzjonijiet interpersonali iżda fil-qasam usa’ tal-ħajja ċivika, relazzjonijiet internazzjonali, xogħol, ġustizzja u djalogu. Il-psikoloġija hija dixxiplina vasta, xjentifika, u b’infinità ta’ modi kif tista’ tiġi applikata għall-ħajja ta’ kuljum.
Ippermettuli ndur fuqkom u nifirħilkom. Ilkoll kemm intom ħdimtu bla heda biex wasaltu fejn qegħdin illum. Uħud minnkom kellkom issiefru u tagħmlu sagrifiċċji personali biex tistudjaw, takkwistaw il-kwalifiki u titħarrġu. Ilkoll kemm intom urejtu ħila, ħeġġa u determinazzjoni. Issa quddiemkom hemm triq twila u importanti – triq ta’ ħafna ħidma professjonali mwettqa bl-iżjed manjieri etiċi possibbli. Persważ li se jiġu quddiemkom dilemmi għax il-prattika psikoloġika hija materja delikata. Iżda persważ se tużaw dejjem l-aqwa ġudizzju tagħkom u tikkonsultaw ma’ sħabkom u l-kollegi tagħkom meta tħossu li jkun il-każ.
Inħeġġiġkom biex tkomplu taġġornaw ruħkom mal-professjoni, li dejjem tinbidel u tevolvi, sabiex il-futur isibkom dejjem lesti taffaċċjaw sfidi ġodda bl-għodod kollha li jkollkom bżonn.
Il-Gvern jirrikonoxxi l-ħidma importanti li twettqu individwalment iżda anke fi gruppi, assoċjazzjonijiet, unions u partnerships. Jirrikonoxxi wkoll r-rwol importanti tal-Malta Psychology Professions Board. Bħala pajjiż grati lejkom ilkoll.
Nifirħilkom. Wasaltu hawn bil-ħila tagħkom u għandkom ilkoll tkunu ferħanin. Nixtiqilkom mill-qalb karriera mill-isbaħ, ta’ suċċess u li timlikom b’ħafna sodisfazzjon.
Grazzi ħafna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262022
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’...
PR262021en