STQARRIJA MIR-RESIDENZA SAN VINCENZ DE PAUL
Il-Ħadd filgħaxija, għall-ħabta tal-5.45pm, weħel il-lift fis-Serenity Ward fir-Residenza San Vinċenz de Paul. Fih kien hemm ħames viżitaturi. Dan hu lift żgħir li jiflaħ piż massimu ta’ 400 kilo.
L-indikazzjoni hi li fil-lift daħlu ammont akbar milli kien jiflaħ. Dan wassal biex skatta l-emergency break sabiex il-lift la jkun jista’ jinżel ’l isfel u anqas jitla’ l fuq. Fil-fatt b’dak li ġara, wera li l-emergency break tal-lift ħadem kif suppost u bħala konsegwenza weħel il-lift.
Eżatt kif weħel il-lift, l-istaff tas-Serenity Ward minnufih avżaw l-uffiċjali tas-sigurtà u t-tim tal-manutenzjoni. Ftit wara waslu fuq il-post in-nies tekniċi tal-kumpanija privata C&D Ltd li kienet installat dan il-lift u li tieħu ħsieb il-manutenzjoni tiegħu. Sadattant fuq il-post waslu wkoll membri tal-protezzjoni ċivili.
Peress li l-lift weħel bejn it-tieni u t-tielet sular, fuq il-post kellhom jintramaw it-travetti biex it-tekniċi setghu jsalu sal-kabina tal-lift. Intramaw ukoll chain blocks. Imbaghad ġie żarmat l-emergency break. Eventwalment il-lift tniżżel biex setgħu jinħarġu n-nies. Kontinwament l-istaff u s-security officers tar-Residenza San Vincenz kienu kontinwament f’kuntatt man-nies. Dan għaliex il-bieb tal-lift infetaħ beraħ u l-membri tas-sigurtà setgħu jitkellmu man-nies maqbuda fil-lift minn spazju ta’ madwar 20 ċentimetru li kien jidher sew mit-tieni sular. Tqabbdu wkoll fannijiet biex ikunu jistgħu jitfgħu arja friska fil-lift.
Il-ħames persuni nħarġu mil-lift għall-ħabta tad-9.10 pm. Ta’ min jgħid li fl-ebda mument il-persuni maqbuda f’dan il-lift ma kienu f’xi periklu. Dan il-lift isirlu manutenzjoni b’mod regolari.
Sadattant twaqqaf bord tal-inkjesta biex jinvestiga dan l-inċident.
Stqarrijiet Oħra:
PR262022
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’...
PR262021en