Malta tingħata premju pretiġjuż minn kumpannija fis-settur tal-ivvjaġġar fir-Renju Unit
L-aħbar li Malta permezz tal-ħidma tal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu (MTA) ingħatat l-premju ta’ Destination of the Year Award minn Travel Trade Gazette Awards hija aħbar pożittiva li tixhed li l-istrateġija tal-Gvern u l-MTA għas-settur turistiku qed iġġib ir-riżultati.
Iċ-ċeremonja tal-premji saret f’Leicester Square f’Londra fl-4 ta’ Ottubru 2012 u l-premji jingħataw minn Travel Trade Gazette li hija awtorita’ fis-settur tal-ivvjaġġar fir-Renju Unit u li l-premji tagħha huma meqjusa bħala pretiġjużi ħafna.
Il-Ministru għat-Turiżmu, l-Kultura u l-Ambjent, Mario de Marco qal li l-fatt li Malta ingħatat dan il-premju juri li l-ħidma tal-MTA inkluż l-investiment fil-kampanji u promozzjoni barra minn pajjiżna qed jissarraf f’riżultati pożittivi. Il-premju juri wkoll li l-investiment tal-Gvern fil-promozzjoni, fl-aċċessibilita’ u fil-prodott turistiku qed ikunu effettivi u qed iwasslu għal rikonoxximent ta’ settur turistiku lokali li qed ikun dejjem aktar attratenti għat-turist. Fl-aħħar snin l-MTA żiedet l-investiment tagħha fil-promozzjoni barra minn pajjiżna filwaqt li pajjiżna żied r-rotot minn 46 fl-2006 għal 81 fl-2012. Sadanittant, il-Gvern investa u għadu qed jinvesti fi proġetti kapitali u infrastrutturali li jtejbu il-prodott turistiku f’kull parti ta’ Malta. Dawn jinkludu il-proġett fil-ġnien ta’ Pembroke, l-promenade ta’ San Pawl il-Baħar, il-proġett fid-daħla tal-Belt, it-tisbiħ fix-Xatt ta’ Marsaxlokk, il-proġett ta’ Xrobb l-Għaġin u l-investiment fit-toroq u f’żoni pedonali, fost oħrajn. Il-Gvern qed jinvesti wkoll f’diversi skemi li jħeġġu l-investiment mis-settur privat fit-titjib tal-prodott u s-servizz turistiku. Dawn jinkludu skema ta’ €10 miljun għall-proġetti ta’ turiżmu sostenibbli. Permezz ta’ din l-iskema se jsir investiment totali f’madwar 100 proġett li jammonta għal €20 miljun. Dawn se joħolqu madwar 500 impjieg ġdid.
Dan l-investiment qed iwassal għal riżultati pożittivi fis-settur turistiku. Il-Gvern u l-MTA jibqgħu impenjati li jinvestu fi strateġija effettiva għas-settur turistiku li huwa pilsatru tal-ekonomija Maltija u li r-riżultati minnu jissarfu f’kummerċ għall-lukandi, ristoranti u diversi negozji oħra kif ukoll fil-ħolqien ta’ impjiegi f’pajjiżna. B’hekk ir-riżultati fit-turiżmu jfissru aktar xogħol għall-familji Maltin u ekonomija aktar b’saħħitha.
Stqarrijiet Oħra:
PR262022
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’...
PR262021en