ŻEWĠ MILJUN DOKUMENT TAL-ARKIVJU NAZZJONALI ĠEW DIĠITIZZATI
- Se tinbena infrastruttura biex id-dokumenti jitpoġġew online
- 50 voluntier jagħtu aktar minn 2,000 siegħa ta’ ħidma volontarja lill-Arkivji Nazzjonali
Il-proċess ta’ diġitizzazzjoni tad-dokumenti tal-Arkivji Nazzjonali wassal biex sal-lum inħolqu madwar żewġ miljun immaġini diġitali ta’ dokumenti u bħalissa qed issir ħidma sabiex tinbena infrastruttura eletornika biex uħud minn dawn id-dokumenti jitpoġġew online u ikunu aċċessibli għall-publiku. Dan ħabbru l-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport waqt attività organizzata għall-voluntiera fl-Arkivju Nazzjonali.
L-Onor Puli, qal li dan il-proċess ta’ digitizzazjoni beda wara ftehim li intlaħaq ma’ żewġ organizzazzjonijiet barranin li jispeċjalizzaw f’diġitizzazzjoni ta’ dokumenti arkivistiċi. Dawn qed jisponsorjaw din id-diġitizzazzjoni billi pprovdew l-apparat u qed iħallsu ħaddiema biex jiddiġitizzaw dawn id-dokumenti antiki mingħajr ma joħorġu dawn id-dokumenti mill-Arkivju Nazzjonali. Puli ħabbar li fost dawn l-immagni u dokumenti digitizzati, tlestew dokumenti li għandhom valur storiku kbir, fosthom ix-shipping registers u l-applikazzjonijiet tal-passaporti li jmorru lura għal bidu tas-Seklu 19 u kollezzjoni ta’ Kawżi tal-Qrati tas-Seklu 16. Dan il-proċess għandu jsaħħaħ il-presevazzjoni tad-dokumenti oriġinali u fl-istess waqt jagħti aktar aċċessibiltà lill-pubbliku u lil studjużi għall-kontentut ta’ dawn id-dokumenti.
Is-Segretarju Parlamentari qal li fl-aħħar snin il-Gvern investa ħafna fl-Arkivji Nazzjonali, bl-akbar investiment ikun fit-taħriġ tar-riżorsa wmana. Puli fakkar kif fl-2005 il-Gvern fetaħ il-kors ta’ arkivista’ fl-Università ta’ Malta, u aktar tard beda jagħti boroż ta’ studju għal min ried ikompli jispeċjalizza f’dan il-qasam barra minn Malta. Fakkar ukoll kif fl-aħħar tal-2011 twaqqfet Fakultà ġdida fl-Universita’ li tispeċjalizza fuq Media u Knowledge Sciences biex fost oħrajn tħarreġ l-arkivisti u minn din is-sena akkademika dan il-kors qed jiġi offrut minn din il-Fakulta f’livell ta’ Degree u Diploma.
Is-Segretarju Parlamentari fakkar wkoll li f’Ġunju li għaddha fl-Arkivji Nazzjonali kien inawgurat ukoll laboratorju tar-restawr magħmmar bl-aqwa teknoloġija, fejn illum f’din l-entita’ hemm nies imħarrġa fil-paljografija u fil-konservazzjoni biex il-wirt arkivistiku Malti jkun imħares.
L-Onorevoli Puli radd ħajr lil madwar 50 volontier li f’dawn l-aħħar snin taw kontribut lill-Arkivju Nazzjonali. Huwa qal li l-ħidma tal-Għaqda Ħbieb tal-Arkivji li ġiet imwaqqfa fis-sena 2000 tikkontribwixxi bil-bosta mhux biss lejn l-Arkivji Nazzjonali iżda wkoll lejn il-memorja kollettiva u l-identità tal-poplu Malti. Huwa ħabbar kif fl-2011, 39 volontier minn Malta, Franza, Italja, Rumanija, Ġermanja, Awstrija u Etjopja taw bejniehom madwar 2,000 siegħa ta’ ħidma volontarja fl-arkivji Nazzjonali.
Huwa semma wkoll sensiela ta’ proġetti li saru fl-aħħar snin, b’kollaborazzjoni ma’ individwi differenti, fosthom il-Wirja Permanenti dwar personalitajiet magħrufa Maltin, b’kollaborazzjoni mal-fotografu Tony Mangion; ir-restawr u ħolqien ta’ mużew tal-farmaċija fl-ispiżerija l-antika, ma’ Michael Bonnici; il-ħidma fuq il-kollezzjoni ta’ ritratti diġitali ma’ Kevin Casha; il-kisba tal-kollezzjoni ta’ Stan Fraser u l-wirja dwarhu kif ukoll diversi proġetti ta’ oral history ma’ Veronica Galea; u l-proġett li salva l-wirt tal-għana tas-snin Tletin ‘Malta’s Lost Voices’ ma’ Andrew Alamango.
Fis-serata ġew inawgurati għadd ta’ proġetti oħra fosthom, ir-restawr tal-forn l-antik tal-isptar – xogħol li sar kollu volontarjament mis-Sur Michael Bonnici; L-għoti ta’ donazzjoni ta’ dokumenti tal-Kunsill Ċiviku ta’ Ħaż-Żebbuġ, ukoll minn Michael Bonnci; it-tnedija ta’ Gwida għall-użu tas-Sit elettroniku – Portal tal-Arkivji tal-Ewropa, liema ktejjeb sar f’fondi Ewropej u bil-ħidma tal-voluntier Tony Bonello; it-tnedija ta’ database li tkopri eluf ta’ ismijiet ta’ Maltin emigranti lejn l-Awstralja xogħol ieħor tal-voluntier emigrant Mark Caruana.
Stqarrijiet Oħra:
PR262022
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’...
PR262021en