Xogħol Estensiv fl-Għarb b’fondi Ewropej akkwistati bl-għajnuna tal-MEUSAC
Il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u Familja, l-Onor. Chris Said illum żar numru ta’ proġetti fl-Għarb, Għawdex li qed jiġu ko-finanzjati mill-fond ERDF tal-Unjoni Ewropea.
Il-proġetti jikkonċentraw prinċipalment fuq restawr ta' postijiet storiċi fil-lokalita tal-Għarb. Barra ir-restawr fuq postijiet storici sar ukoll ħafna xogħol ieħor li jkompli jtejjeb il-kwalita’ tal-ħajja tar-residenti.
Fost il-proġetti finanzjati mill-ERDF kien hemm ir-restawr tas-salib tal-pjazza li kellu ħsarat kbar. Ma’ dan sar ukoll il-proġett tar-restawr tal-pjazza infisha fejn ix-xogħolijiet kienu jinkludu bdil tal-main tal-ilma u kostruzzjoni ta’ kanal għall-ilma tax-xita u għas-servizzi. Dan il-kanal se jservi ukoll biex is-servizzi kollha jgħaddu kollha minn taħt l-art.
Il-proġett jinkludi pavimentar tal-pjazza bil-porfido, bankini ġodda, arloġġ tax-xemx, feature bl-ilma, u kiosk li twassal informazzjoni kontinwa kemm mill-aħbarijiet internazzjonali u kif ukoll avviżi tal-kunsill lokali.
Sar ukoll xogħol fuq l-arkata fi Triq Sdieri li hija triq sekondarja importanti ħafna fil-lokalita’ tal-Għarb, u xogħol fuq ħitan tas-sejjiegħ li filwaqt li jgħin ‘il bdiewa, jagħmel il-passiġġati fil-kampanja attrazzjoni akbar.
Grazzi għall-fondi mill-ERDF ġew restawrati wkoll il-Knisja taż-Żejt u l-kapella ta’ San Dimitri li restawr li kien jinkludi xogħol fuq iz-zuntier u l-bini ta’ post għal picnics.
Il-Ministru Chris Said qal li dawn il-proġetti ibbenefikaw minn finanzjament ta’ madwar Eur540,000 mill-Unjoni Ewropea. Huwa faħħar ‘il Kunsill Lokali tal-Għarb għall-inizzjattivi li qed jiehu u qal li dan il-Kunsill huwa xempju ta’ kif il-kunsilli lokali qed jirnexxielhom isebbħu il-lokalita’ tagħhom, u jagħmluha aktar attraenti għat-turizmu lokali u barrani.
Chris Said qal li proġetti bġal dawn, barra li jkomplu joħorġu s-sabiħ u l-identita’ ta’ kull lokalita’, itejjbu l-kwalita’ tal-ħajja tar-residenti.
Il-Ministru Said qal li l-Kunsill Lokali tal-Għarb kien wieħed mill-aktar kunsilli li bbenefikaw minn fondi tal-Unjoni Ewropea u dan grazzi wkoll għall-għajnuna li qed tiġi provduta mill-MEUSAC.
Stqarrijiet Oħra:
PR262022
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’...
PR262021en