IĊĊELEBRAT IL-JUM DINJI TAL-ANNIMALI – ADOPTION WEEKEND FIĊ-ĊENTRU TAL-GĦAMMIERI
Id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali fil-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali fi tmiem il-ġimgħa ser jorganizza Adoption Weekend fiċ-ċentru tad-Dipartiment fl-Għammieri. Matul il-Jum tas-Sibt 6 u l-Ħadd 7 ta’ Ottubru, l-familji interessati li jaddottaw kelb huma mħeġġa jaslu saċ-ċentru biex jaraw il-klieb filwaqt li se jkun hemm numru ta’ stands b’informazzjoni dwar il-ħidma tad-Direttorat favur il-ħarsien tal-annimali. Fiċ-ċentru tal-għammieri se jkun hemm numru ta’ attivitajiet għall-familja kollha bejn l-10 ta’ filgħodu u l-4 ta’ wara nofsinhar kemm is-Sibt kif ukoll il-Ħadd. Il-familji huma mistiedna jġibu magħhom ukoll il-pets.
F’din il-leġislatura l-Gvern ħadem bis-sħiħ favur il-ħarsien tal-annimali, f’dan is-settur fl-aħħar snin saru avvanzi kbar. Il-Gvern wera bis-sħiħ li hu impenjat bis-serjetà biex inħarsu l-annimali tant li:
• twaqqaf Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali;
• inħolqot sistema ta’ ambulanza għall-annimali li taħdem 24 siegħa għal 7 ijiem fil-ġimgħa. is-servizz tal-ambulanza tal-annimali, ġabar ’l fuq minn 3,000 annimal ferut;
• ġew addottati madwar 1,500 kelb u qattus mill-familji Maltin u Għawdxin;
• sar neutering fuq madwar 2,000 kelb u qattus;
• sentejn ilu nfetaħ Ċentru San Franġisk għall-Ħarsien tal-Annimali. Ċentru li qed jagħti servizz ta’ kura 24 siegħa kuljum ħdud u festi nklużi. Ħafna mill-każijiet daħlu fiċ-Ċentru matul il-ħinijiet bikrin ta’ filgħodu. Dan juri kemm kien hawn bżonn f’pajjiżna Ċentru li jibqa’ miftuħ matul il-lejl 24 siegħa kuljum.
• id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali ressaq u segwa mill-qrib 31 każ ta’ moħqrija ta’ annimali li ddaħlu l-Qorti. Każ f’dawn l-aħħar snin li kien seraq il-qlub ta’ kulħadd kien dak tal-kelba Star. Fiċ-ċentru ta’ San Franġisk sar monument għall-kelba Star biex jitwassal messaġġ kontra l-moħqrija tal-annimali, biex qatt aktar f’pajjiżna ma jseħħu atti ħorox bħal ma sofriet din il-kelba.
• sar proċess fejn inħarġet liġi li tobbliga lil kull sid ta’ kelb biex kull kelb ikollu microchip. L-għanijiet prinċipali ta’ dawn ir-regolamenti hu;
• biex anqas persuni jabbużaw u jabbandunaw kleib meta jixbgħu minnhom;
• biex ikun hawn anqas periklu għas-saħħa pubblika minħabba tixrid ta’ mard mill-klieb;
• biex ikun hawn anqas attakki minn klieb abbandunati li jattakaw klieb u annimali oħra;
• biex tinħoloq database ċentrali b’reġistru sħiħ tal-informazzjoni kollha rigward il-klieb u s-sidien tagħhom.
B’dan l-eżerċizzju ġew microchipped ’l fuq minn 30,000 kelb.
• saru shelters għall-karozzini fil-Belt Valletta;
• ingħatat għajnuna lil Santwarji
• sar l-ewwel dog park f’ta Qali. Park li qed iservi biex familji li għandhom kelb ikunu jistgħu jieħdu l-kelb tagħhom f’dan il-Park fejn fih logħob varju għall-klieb;
• ingħataw 12 – il scholarship lil studenti biex jilħqu veterinarji.
Biex titrawwem fit-tfal imħabba dejjem akbar lejn dawn il-kreaturi, fil-ġimgħat li ġejjin se jkun inawgurat ukoll Petting Farm, li se jkun qed jikkonsisti f’post fejn it-tfal u l-familji jkunu jistgħu jiġu flimkien biex filwaqt li jgawdu minn ambjent mill-isbaħ, ikunu jistgħu jitgħallmu fuq l-annimali filwaqt li jkollhom ukoll iċ-ċans li jilagħbu magħhom. L-annimali li se jkun hemm f'dan il-Petting Farm jikkonsistu fi żwiemel, fniek, paguni, nagħaġ, mogħoż u tipi differenti t'għasafar.
Dan kollu juri kemm bil-fatti l-Gvern hu mpenjat u qed jaħdem bis-sħiħ favur il-ħarsien tal-annimali.
Stqarrijiet Oħra:
PR262022
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’...
PR262021en