MESSAĠĠ MILL-MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL, DOLORES CRISTINA FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI TAL-GĦALLIEMA
Fil-bidu ta’ kull sena skolastika il-UNESCO tiċċelebra il-Jum Dinji tal-Għalliema li din is-sena se jkun iċċelebrat bit-tema “Take a Stand for Teachers” li, skont il-UNESCO tfisser li l-professjoni tal-għalliema jkollha taħriġ adegwat, żvilupp professjonali kontinwu u protezzjoni tad-drittijiet tal-għalliema.
B’wiċċna minn quddiem nistgħu ngħidu li f’pajjiżna dan kollu diġà jseħħ. Id-Direttorati tal-Edukazzjoni u l-Università huma mpenjati bis-sħiħ biex dan kollu jkun provdut fl-aħjar interess tal-professjoni. Il-Gvern qed jassigura li f’pajjiżna l-edukazzjoni tibqa’ tkun fuq nett tal-aġenda tal-ħidma tiegħu u l-iżviluppi li qed iseħħu huma xhieda ħajja ta’ dan l-impenn.
Il-Gvern qed jimpenja ruħu wkoll biex jgħin lis-settur tal-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti biex kullħadd, kemm għalliema kif ukoll studenti, jkollhom kemm jista’ jkun l-istess opportunitajiet biex ikomplu jiżviluppaw f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-edukazzjoni għal tul il-ħajja.
L-ambjent fl-iskejjel tagħna ħa spinta l-quddiem ħafna u llum nistgħu niftaħru li għandna skejjel tal-aqwa kwalità. Dawn qed joffru sfidi ġodda, anke minħabba t-teknoloġija moderna li qed ikunu mgħammra biha dawn l-iskejjel. Dan kollu jgħin biex l-għalliema jkunu jistgħu jipprattikaw il-professjoni tagħhom f’ambjent li jixraq u li joffri wkoll opportunitajiet għall-iżvilupp tagħhom u tal-istudenti li huma fdati lilhom.
L-awtoritajiet qed ikunu aktar konxji tal-ħtieġa li l-għalliema jkunu nvoluti direttament fil-bidliet importanti li qed iseħħu u għalhekk qed joffru l-opportunità biex il-professjonisti jsemmgħu leħinhom u joffru l-ideat tagħhom qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet importanti. Dan kollu qed iseħħ u l-parteċipazzjoni attiva tal-għalliema hija nkoraġġanti ħafna u qed tiftaħ orizzonti ġodda.
Il-Jum Dinji tal-Għalliema joffrilna opportunità biex insellmu lill-għalliema kollha, huma f’liema kategorija huma, kemm lil dawk li għadhom qed jagħtu servizz kif ukoll lil dawk li temmew il-karriera tagħhom f’din il-professjoni.
Aħna konxji mill-fatt li, jekk irridu li l-kwalità tat-tagħlim tkompli jitjieb, irridu noffru mekkaniżmu li jgħin l-iżvilupp tal-professjoni. Dan qed nagħmluh u ser nibqgħu nagħmluh fl-aħjar interess tal-għalliema u tal-istudenti kollha.
Stqarrijiet Oħra:
PR262022
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’...
PR262021en