APPROVAT IL-PERMESS BIEX IL-FOSS TAL-BIRGU JINBIDEL FI ĠNIEN GĦALL-FAMILJI - MISJUB IL-ĦAJT ORIĠINALI TAL-BASTJUN TA’ SAN ĠAKBU FIL-BIRGU MIBNI QABEL L-1565.
Il-foss tal-Birgu se jinbidel fi ġnien rikreativ fejn il-familji jkunu jistgħu jirrilassaw f’ambjent fejn ikunu jistgħu japrezzaw aktar is-swar maestużi li jdawwru id-daħla tal-Birgu. Dan kien żvelat dalgħodu mill-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarjiiet Rurali George Pullicino waqt li żar ix-xogħlijiet ta’ restawr li hemm għaddejjin fuq is-swar tal-Birgu, l-għada li l-MEPA approvat il-ħruġ tal-permess għar-riabilitazzjoni tal-foss.
Il-foss tal-Birgu joffri medda ta’ art twila 300 metru f’kobor ta’ madwar 10,000 metru kwadru ta’ art u tgħaqqad minn taħt l-entratura tal-Birgu (jiġifieri taħt Courve Port) u tibqa sejra sal-Posta ta’ Kastilja. Sa ftit snin ilu l-ispazju quddiem il-posta ta` Kastilja kien okkupat bl-Oil Depot. Il-Gvern waqqa’ dan il-bini sabiex is-swar maestuzi jkunu jistgħu jiġu apprezzati aħjar, u jerġgħu jiġu kif kienu maħsuba li jidhru oriġinarjament. Issa minflok dan il-bini li kien hemm ser isir ukoll ġnien biex jikumplimenta l-proġett tal-ġnien tal-foss. Il-permess ta` dan il-ġnien qiegħed quddiem il-MEPA għall-approvazzjoni. Il-Foss tal-Birgu, il-Posta ta` Kastilja kif ukoll l-ispazju ta` quddiem ser jinghaqdu flimkien wara li l-passaġġi oriġinal li hemm imħaffrin fil-blat u mibnija ġos-swar ser jerġgħu jinfetħu mill-ġdid għall-użu tal-pubbliku.
Il-foss tal-Birgu kien mitluq u anki s-swar li jdawwru l-foss kien jeħtiġilhom programm estensiv ta’ restawr. B' dan il-proġett ser jinħoloq spazju ġdid miftuħ li filwaqt li jikkumplimenta x-xogħol ta` restawr, jagħti dehra iktar dinjituża lid-daħla tal-Belt fortifikata tal-Birgu. Fil-Birgu qed isir restawr fuq is-swar bħala parti mill-akbar proġett ta’ restawr li qed isir fuq is-swar ta’ pajjiżna b’ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea, b’investiment totali ta’ €36 miljun fuq is-Swar tal-Birgu, l-Mdina, l-Belt Valletta u c-Cittadella f’Għawdex.
Id-ditch se jingħata dehra ġdida u se jkun imsebbaħ b’turf u vegetazzjoni endemika kif ukoll b’passaġġ maħdum minn materjal riċiklat, biex bi spazji żgħar fejn wieħed jista joqghod bilqegħda ikun jista’ japprezza l-wirt naturali u arkitettoniku tal-madwar. L-iskala ta` dawn il-passaggi hi tali li tirrispetta l-ambjent li qegħdin fih.. Is-siġar li hemm fil-foss se jibqgħu fil-foss biss dawk is-sigar li bħalissa huma mħawwlin fuq l-istrutturi tal-Kaponier oriġinali li nstab taħt il-materjal mitfuħ ġol-foss ser jiġu trasplantati għall-istess foss. B’hekk ma ssirx ħsara lil dawn il-fdalijiet oriġinal li ser jinkixfu biex is-sistema ta’ fortififikazzjonijiet tingħata dehra kompluta.
Dan il-Kaponier li instab fil-foss tal-Birgu jmur lura għas-seklu 18 u kien maħsub li jifforma parti minn sistema ta’ difiza li kienet tgħin biex id-difensuri tal-Birgu setgħu jilħqu il-partijiet esterjuri tad-difiza tal-Birgu, speċjalment billi jipproteġuhom huma u jaqsmu minn naħa għall-oħra tal-foss. Din l-istruttura tal-Kaponier hija ezempju uniku tat tip tagħha. Parti kbira minn dan il-Kapunier tinsab taħt is-siġar, għalhekk dawk is-siġar ser jitmexxew biex dan il-caponier jiġi eskavat kompeltament, irrestawrat u b’hekk jifforma parti mill-attrazzjonijiet tal-ġnien biex jitgawda mill-pubbliku. L-ilma għat-tisqija ta’ dan il-ġnien se jintuża minn ġibjuni li diga jezistu fl-inħawi u li bħalissa l-ilma tagħhom ma jintużax.
Bħalissa fil-Birgu għaddej ukoll xogħol quddiem Courve Port fejn qed tingħata dehra ġdida fid-daħla ta’ din il-Belt. Din id-daħla msebbħa se tkun il-bidu ta’ esperjenza unika li kull min se jżur il-Birgu se jgawdi mid-daħla sal-Birgu sat-tul tal-mixja tad-ditch. Dan il-proġett ta’ restawr fil-Birgu se jkun qed jgħaqqad mixja minn tarf sa tarf tal-Birgu, minn Courve Port, sal-Posta ta’ Kastilja. Dan qed isir ukoll permezz tal-ħnejja li nbniet fid-daħla tal-Birgu u li reġgħet għaqdet il-Bastjun ta’ San Ġwann li kien twaqqa biex minn ġo fih tgħaddi it-triq li hemm illum. Il-bini tal-arkata, sar biex jerġa’ jintroduċi sens ta’ kontinwità fil-linja tas-swar tal-Birgu u jerġa’ jgħaqqad il-bastjun biex eventwalment iservi ta’ mixja madwar din il-Belt storika.
Is-swar li jdawwru dan il-Foss huma għoljin madwar 18-il metru. Dan jindika kemm ix-xogħol estensiv ta’ restawr kien wieħed dedikat u li rrikjeda sengħa kbira. Waqt ir-restawr tal-Bastjun ta’ San Gakbu, reġa ġie mikxuf il-ħajt orġinali tas-swar li nbena qabel l-Assedju l-Kbir tal-1565 fi żmien ir-renju tal-Gran Mastru La Vallette. Fuq il-bastjun ta’ San Gakbu kienu saru xi alterazzjonijiet fi żmien is-seklu 18 mill-inġinier militarji tal-Ordni ta’ San Gwann, il-Franciz Charles Francois de Mondion. Din is-sejba storika u sinjifikanti issa se tkun integrata fil-proġett ta’ restawr biex isservi wkoll ta’ attrazzjoni storika u kulturali.
Il-Ministru Pullicino qal li ma din il-lista ta’ proġetti fil-Birgu se jinbeda proġett ieħor dak ta’ pavimentar fit-toroq kollha tal-aktar parti antika tal-Birgu, dik li tissejjah il-Collachio. Is-sejha ghall-offerti giet ippublikata u huwa mistenni taghlaq iktar tard dan ix-xahar. Il-Ministru Pullicino qal li dan li qed isir fil-Birgu huwa xiehda ta’ kemm il-Gvern jemmen fil-potenzal tal-Kottonera kif ukoll huwa xhieda ta’ investiment favur livell t’għixien aħjar għar-residenti. Filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema kollha involuti fuq dawn il-proġetti, huwa qal ukoll li dawn il-proġetti qed joħolqu x-xogħol kemm dirett biex isiru l-interventi meħtieġa kif ukoll b’mod indirett. Dan għaliex diġa lejn il-Kottonera hu mifhum, skont statistika tal-MTA li jersqu man-nofs miljun turist fis-sena u b’dawn il-proġetti dan in-numru zgur li jiżdied u dan iġib miegħu akktar opportunitajiet ta’ xogħol f’dan is-settur. Tant hu hekk li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar it-Turiżmu ħarġet compliance certificate lil 8 operaturi ġodda biex jiprovdu s-servizz ta’ guest house. Dan juri kemm l-investiment tal-Gvern fil-Birgu qed iwassal għal tkattir ekonomiku fl-inħawi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262022
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’...
PR262021en