IL-GVERN JGĦIN LILL-ISKEJJEL INDIPENDENTI
Il-Gvern se jkun qed jgħin lill-Iskejjel Indipendenti b’Fond ta’ milljun ewro biex dawn ikunu jistgħu jinvestu f’servizzi relatati mal-bżonnijiet individwali tal-istudent, f’Investiment f’apparat tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni, softwer u liċenzji; f’titjib fil-faċilitajiet tax-xjenza;f’titjib fil-faċilitajiet sportivi; u f’titjib fl-iżvilupp professjonali tal-għalliema fl-iskejjel indipendenti. Dan tħabbar waqt żjara tal-Ministru tal-Edukazzjoni Dolores Cristina u l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomiaj u Investiment Tonio Fenech fil-Kulleġġ St. Martin’s fis-Swatar.
Il-Ministru Dolores Cristina qalet li f’Lulju li għadda nidejna skema bl-iskop li tipprovdi għajnuna lill-iskejjel Indipendenti fejn jindħlu servizzi u faċilitajiet marbuta mar-riforma fil-qasam tal-edukazzjoni primarja u sekondarja. Dan sar wara proċess ta’ konsultazzjoni ma’ dawn l-iskejjel biex ikun assigurat li l-istudenti kollha, imorru fejn imorru skola, jibbenefikaw mill-bidliet li qed isiru.
Il-Gvern Nazzjonalista dejjem qies il-kontribut qawwi li l-iskejjel indipendenti jagħtu għas-sistema edukattiv ta’ pajjiżna u jħoss li fil-pajjiż dawn hawn bżonnhom u għalhekk jibqa’ jgħinhom b’diversi modi fosthom b’din l-iskema.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni esprimiet is-sodisfazzjon tagħha meta tara li l-Iskejjel Indipendenti, bħall-iskejjel tal-Knisja, qed jaħdmu id f’id mal-iskejjel tal-Istat u jikkollaboraw flimkien fit-tiġdid u r-riformi li qed isiru fl-edukazzjoni kemm jekk hu l-kurrikulu nazzjonali, l-introduzzjoni tas-sistema tal-benchmarking u diversi riformi oħra.
Bl-għajnuna lill-iskejjel Indipendenti il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ id-dritt tal-għażla tal-ġenituri li jagħżlu huma fejn jixtiequ li uliedhom jieħdu l-edukazzjoni tagħhom.
Il-Ministru Cristina fakkret ukoll li l-Gvern qed iħallas għas-servizzi tal-Learning Support Assistant għal tfal fl-iskejjel indipendenti li jkollhom bżonn dan is-servizz u li anke l-Istipendju kienu estiżi għal studenti fis-Sixth Forms ta’ skejjel indipendenti bħalma hu St. Martin’s College.
Il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija Investiment Tonio Fenech spjega kif l-għan tal-Gvern huwa li nibqgħu nagħtu l-aqwa edukazzjoni possibbli lill-uliedna u l-Gvern jemmen li l-familji Maltin għandu jkollhom l-għażla f’liema skejjel jibgħatu lil uliedhom. Dan huwa ghaliex il-Gvern iħares lejn l-edukazzjoni b’mod olistiku: “Qed ninvestu fl-Iskejjel tal-Gvern, qed ninċentivaw ukoll l-iskejjel tal-Knisja u nirrikonoxxu li l-iskejjel privati qed jagħtu kontribut qawwi u importanti lis-settur ta’ l-edukazzjoni. “
Huwa fakkar ukoll li l-Gvern qed jgħin lil dawk il-ġenituri li jibgħatu l-uliedhom fl-iskejjel indipendenti. Kull sena, madwar 4,400 familja jibbenefikaw mit-tnaqqis fit-taxxa.
Fl-aħħar Baġit, din l-għajnuna reġgħet żdiedet:
• minn €1,200 għal €1,300 fil‐livell ta’ daycare, reception u kindergarten;
• minn €1,200 għal €1,600 fil‐livell ta’ primarja; u
• minn €1,600 għal €2,300 fil‐livell ta’ sekondarja.
Fl-aħħar 4 snin, dawn il-familji gawdew bejniethom tnaqqis ta’ 23 miljun ewro fi tnaqqis mit-taxxa li jfisser iffrankar ta’ madwar 8 miljun ewro.
L-iskema mnedija llum hi għal servizzi u xogħlijiet li saru sa mill-1 ta’ Jannar 2012, u huwa valida għal tliet snin. Il-fondi jiġu allokati skont in-numru ta’ studenti reġistrati fil-bidu ta’ kull sena skolastika kif approvat uffiċjalment mid-Direttorat tal-Kwalita’ u l-iStandards fl-Edukazzjoni. L-allokazzjoni massima għall-2012 hija:
• €95 għal kull wild fil-kindergarten
• €145 għal kull student fl-iskola primarja
• €170 għal kull student fl-iskola sekondarja (jiġifieri inkluża l-Form 5).
Other Press Releases:
PR262022
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’...
PR262021en