JINFETAĦ IR-RABA CENTRU AĊĊESS
Fi tmiem il-ġimgħa il-Gvern fetaħ ir-raba Ċentru Aċċess, din id-darba fil-Komunità tal-Imsida, bil-għan li jkompli jsaħħaħ is-servizzi fil-komunitajiet u r-residenti jkunu jistgħu jinqdew b’mod aktar effiċjenti. Iċ-Ċentru Aċċess tal-Imsida ser ikun qed joffri firxa ta' servizzi soċjali, fosthom servizz mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, l-Awtorità tad-Djar, ETC, Aġenzija Żgħażagħ u servizzi tal-komunità tal-Aġenzija Appoġġ. Iċ-Ċentru se jkun qiegħed jaħdem mill-qrib ma’ diversi entitajiet lokali fosthom il-Kunsill Lokali, il-parroċċa u l-għaqdiet mhux governattivi tal-lokal, bil-għan li jkunu identifikati l-bżonnijiet reali tal-komunità tal-Imsida. Dawn il-bżonnijiet ser ikunu indirizzati permezz ta’ numru ta’ proġetti u inizjattivi bil-parteċipazzjoni attiva tar-residenti tal-lokal.
Karatteristiċi ewlenin taċ-Ċentri Aċċess huma li jinsabu f'postijiet ċentrali biex jilħqu l-komunitajiet ta’ madwarhom, u li jiġbru taħt saqaf wieħed numru ta’ servizzi offruti mill-Gvern u minn aġenziji u dipartiment tiegħu, sabiex jonqos l-inkonvenjent għall-klijenti li jagħmlu użu minnhom. Barra minn hekk dawn iċ-ċentri jservu biex joħolqu servizzi u attvitajiet li jkunu ta’ għajnuna lill-komunità tal-lokal fejn ikunu. Il-missjoni taċ-ċentri Aċċess hi li permezz ta’ professjonisti f’numru ta' oqsma jippromwovu l-kollaborazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-komunità biex titjieb il-kwalità ta’ ħajja għar-residenti fil-komunitajiet rispettivi. Il-Gvern jiddedika ħafna enerġija biex tinħoloq sinerġija bejn organizzazzjonijiet differenti li jagħtu s-sehem tagħom fil-komunità. Fit-tliet Ċentri Aċċess eżistenti, matul dawn l-aħħar snin, kienu impjegati aktar social workers u community workers tal-Aġenzija Appoġġ biex jaqdu l-ħtiġijiet tal-komunitajiet rispettivi.
Waqt il-ftuħ ta’ dan iċ-Ċentru, il-Ministru tal-Ġustizzja, Djalogu u l-Familja Chris Said qal li s-sena li għaddiet aktar minn 17,000 persuna ħadu xi servizz mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali mit-tliet ċentri Aċċess. Dan minbarra eluf oħrajn li ħadu servizzi oħra li joffru dawn iċ-Centri. Huwa wera l-apprezzament tiegħu għall-ħaddiema li qed jaħdmu fiċ-ċentri eżistenti għax fi kliemu ħidmet dawn il-ħaddiema qegħda kontinwament tissarraf fi stejjer ta’ suċċess. Din il-ħidma ma għandiex tieqaf hawn u fil-fatt il-Ministru Chris Said saħaq li fiż-żmien li ġej ser ikunu qed jiġu miftuħa żewġ ċentri oħra wieħed f’Birkirkara u l-ieħor f’Għawdex. Dan kollu ser jgħin biex aktar ċittadini jkomplu jinqdew b’mod aktar effiċjenti.
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Ġustizzja, Djalogu u l-Familja Frans Borg saħaq li ċ-ċentri tal-Aċċess kontinwament qed ikunu miftuħa għar-residenti kollha b’mod partikolari għall-persuni l-aktar vulnerabbli. Dawn il-persuni qed ikunu mogħtija l-ġħajnuna professjonali minn diversi professjonisti biex b’hekk ikunu jistgħu igawdu minn servizz ħolistiku. Matul l-attività tal-ftuħ uffiċċjali madwar 20 għaqda mhux governattiva u entitajiet governattivi ħadu sehem f’inizjattiva li ppromoviet l-opportunitajiet li qed ikunu provduti fil-komunità tal-Imsida. Din l-attività serviet biex l-entitajiet setgħu ħadmu mill-qrib ta’ xulxin u biex tkompli tibni bażi għal aktar sinerġija fiż-żmien li ġej.
Stqarrijiet Oħra:
PR262022
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’...
PR262021en