IL-PAZJENT IGAWDI MINN AKTAR FTEHIM MAL-PRIVAT
Ftehim dwar artroskopiji u MRIs ma sptarijiet privati
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, il-Ministru Joe Cassar ħabbar ftehim ma’ tliet sparijiet privati li se jwassal biex pazjenti jibbenefikaw minn eżamijiet tal-Magnetic Resonance Imagining u operazzjonijiet tal-artroskopiji b’xejn.
Il-ftehim, li ġie ffirmat wara li nħarġet sejħa għall-interess, sar ma’ Saint James Hospital, St Anne’s Clinic u Da Vinci Hospital. Bħal każijiet oħra s-servizz li se jingħata se jkun bla ħlas għall-pazjent.
Il-Ministru Cassar qal li minn dan il-ftehim se jibbenefika direttament il-pazjent. Hu spejga li din it-tip ta’ ħidma permezz ta’ ftehim mal-privat ma bdietx illum, u matul dawn l-aħħar snin sar ftehim u ngħataw diversi servizzi flimkien ma’ sptarijiet u kiliniki privati, għaqdiet mhux governattivi, il-Knisja u organizzazzjonijiet volontarji. Il-Ministru spjega kif il-fatti juru li llum f’pajjiżna hawn sptarijiet u kliniki privati li joffru kura ta’ livell għoli, u għaldaqstant huwa biss ta’ pjaċir għall-Gvern li jsaħħaħ il-politika ta’ sħubija f’dan ir-rigward. Ir-riżultat ta’ dan huwa pazjent moqdi aktar malajr.
Il-Ministru Cassar qal li sfortunatament hawn min jinterpreta ftehim simili mal-privat bħala sinjal negattiv tal-ħidma tal-Gvern mentri fil-fatt, hu propju l-oppost. Kemm l-MRIs u anke n-numru ta’ operazzjonijiet differenti li jiġu offruti b’xejn lill-poplu Malti huma riżultat ta’ politika ta’ fiduċja li ġiet adottatata. Fiduċja fil-professjonisti tagħna, kemm dawk li jaħdmu l-Isptar Mater Dei u anke it-tobba tal-familja li jaħdmu fil-komunità. Il-fatt li llum hemm nies jistennew biex jagħmlu MRI ifisser li dan huwa servizz li nstab li hu effiċjenti, u li huwa effettiv bħala għodda sabiex it-tabib jagħmel dijanjosi aktar preċiża lill-pazjent.
L-Onor. Joe Cassar qal li s-servizzi fil-qasam tas-saħħa komplew jiżdiedu matul is-snin u fil-fatt il-Gvern illum joffri aktar minn 4,000 servizz tas-saħħa b’xejn, li qed jirriżultaw f’persuni li qed jgħixu ħajja aħjar u aktar fit-tul. Il-Ministru spjega li dan minnu nnifsu kompla jżid it-talba għas-servizzi li qed jiġu offruti, u fi sforz biex il-pazjent jinqeda dejjem aktar malajr, illum għandna il-possibilità li nistgħu nagħmlu ftehim mas-settur privat, anke fejn jidħlu proċeduri li jinvovlu makkinarju u riżorsi umani li jirrikjedu investiment qawwi u serju.
Matul ix-xahar ta' Settembru, uffiċċjali mill-Isptar Mater Dei bdew jagħmlu kuntatt ma 400 persuna li qegħdin fuq il-listi ta' stennija biex joffrulhom l-għażla li jagħmlu l-MRI bla ħlas fil-kliniki privati. Naturalment l-ewwel li qed jiġu kkuntattjati huma dawk il-persuni li ilhom l-aktar fuq il-lista ta' stennija.
Bħalissa bdew jiġu kkuntattjati wkoll dawk li qegħdin fuq il-lista ta’ stennija għall-intervent tal-artroskopija. Il-ftehim li sar ikopri 1,000 pazjent.
Il-ftehim sar b’mod li jassigura l-aqwa kwalità ta’ kura għall-pazjent. Ġie miftiehem ukoll il-mod kif se jsir ir-rappurtaġġ biex l-informazzjoni tgħaddi bla xkiel mill-entitajiet għall-isptar Mater Dei.
Other Press Releases:
PR262022
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’...
PR262021en