JIĠI INAWGURAT L-UFFIĊĊJU TAL-KUMMISSARJU TAT-TFAL
“It-tfal u ż-żgħażagħ tagħna mimlija potenzjal, u aħna għandna d-dmir li ninvestu fihom biex jiżviluppaw lilhom innfushom” Dan sostnieh il-Ministru tal-Ġustizzja, Djalogu u l-Familja hekk kif ġie inawgurat l-uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal f’Santa Luċija. Dan l-Uffiċċju se jkun jista’ jitqies bħala punt ċentrali li minnu tiġi segwita s-sitwazzjoni soċjali u kulturali attwali f’dak li għandu x’jaqsam mat-tfal b’tali mod li jkun jista’ jagħti sehem importanti fil-koordinazzjoni li tinħtieġ sabiex ikun hemm policies li jkunu indirizzati lejn il-familji u li jiffukaw fuq it-tfal.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Said fakkar ir-irwol importanti li għandu dan l-uffiċċju sabiex imexxi ’l quddiem l-aqwa interessi tat-tfal u sabiex ikun hemm osservanza tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (li kienet ġiet ratifikata minn Malta fis-26 ta’ Jannar 1990) u ta’ trattati internazzjonali oħrajn simili, kif ukoll konvenzjonijiet u ftehim relatati mat-tfal li jafu jkunu ratifikati minn Malta jew li Malta ikollha aċċess għalihom.
Il-Kummissarju tat-Tfal Helen D’Amato sostniet li “Huwa dmir ta’ kull wieħed u waħda minna li naħdmu fl-aħjar interess tat-tfal” u li permezz ta’ dan l-uffiċċju ġdid il-ħidma tista’ ssir b’mod indipendenti, b’faċilitajiet adattati, b’mod partikolari għat-tfal, bħal ma huma c-Children’s Room u kamra oħra għal tfal ikbar. Dan l-uffiċċju se jkompli jgħin sabiex jitmexxew ‘il quddiem id-drittijiet tat-tfal billi l-personnel jiġu nfurmati direttament dwar l-esperjenzi tat-tfal minnhom stess. Permezz ta’ din il-binja ġdida li issa hija iktar attraenti għat-tfal, se jkun qed jiġi faċilitat il-kuntatt dirett bejn il-Kummissarju u t-tfal li hi tirrapreżenta.
Il-Ministru Said fakkar il-ħidma intensiva li għaddej biha l-Gvern f’dan il-qasam sabiex it-tfal jingħataw l-aqwa opportunitajiet u jikbru f’pajjiż li jirrikonoxxi l-valur u l-involviment tagħhom. Dan l-investiment m’għandux ikun wieħed finanzjarju biss, iżda għandha tissaħħaħ is-sinerġija bejn entitajiet differenti bħal skejjel, entitajiet sportivi, kulturali u entitajiet oħra li jaħdmu fil-qasam tat-tfal. It-tfal għandhom dritt li jikbru f’ambjent fejn ikunu rispettati u maħbuba, ikollhom id-drittijiet tagħhom imħarsa, jiġu ggwidati fid-deċiżjonijiet tagħhom, u jkunu megħjuna biex jissawru f’individwi mingħajr ma jkunu maħnuqa, waqt li jiżviluppaw il-personalità tagħhom. Dan hu possibbli permezz ta’ trobbija pożittiva, ’il bogħod minn kull tip ta’ abbuż. “Dawn huma l-prinċipji li fuqhom hija mibnija l-Politika Nazzjonali tat-Tfal, liema Politika se tkun qed tiġi mnedija fix-xhur li ġejjin wara żmien twil ta’ konsultazzjoni mat-tfal kif ukoll ma’ diversi entitajiet” sostna l-Ministru Said.
Il-Ministru Said tkellem ukoll dwar ix-xogħol li għaddej fil-qasam leġislattiv fejn wara li f’April 2012, Malta ffirmat it-Tielet Protokoll Opzjonali tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal, bħalissa għaddej ix-xogħol fuq għadd ta’ tibdiliet fil-liġijiet li jolqtu l-proċess tal- addozzjoni. Dan bil-għan li l-proċess ikun wieħed aktar trasparenti u sabiex jassigura li l-proċess jilħaq il-bżonnijiet varji ta’ dawk illi jagħmlu użu minnu b’mod effiċjenti. Matul is-sena d-dieħla, il-Gvern qed jipproponi wkoll li jibda diskussjonijiet ma’ dawk kollha involuti dwar strateġija għall-iżvilupp tas-servizzi għal tfal barra minn djar ta’ kura. Il-Gvern qed jassigura wkoll li t-tfal ikunu jistgħu jaċċessaw is-servizzi soċjali meħtieġa skont il-bżonn.
Is-sena 2012 rat id-dħul tal-iSpecialised Home-Based Care Service (SHBC), li jifforma parti mill-Programm Out of Home Care li twaqqaf dan l-aħħar. Dan huwa maħsub sabiex jagħti opportunità lil dawk it-tfal u żgħażagħ li għandhom bżonnijiet partikolari u li, sal-lum, għadhom ma ġewx akkomodati f’fostering mainstream jew faċilitajiet residenzjali, sabiex ikollhom lil xi ħadd li jieħu ħsiebhom f’ambjent familjari; jew għal dawk li ġa għandhom lil xi ħadd jieħu ħsiebhom iżda jeħtieġu appoġġ addizzjonali, l-appoġġ meħtieġ biex jilħqu l-bżonnijiet tagħhom.
Preżenti għall-inawgurazzjoni tal-uffiċċju kien hemm ukoll il-membri li jiffurmaw parti mill-Kunsill tat-Tfal. L-għan ta’ dan il-Kunsill huwa biex jagħti pariri u jgħin lill-Kummissarju fil-qadi tal-funzjonijiet u fil-promozzjoni tal-interessi tat-tfal. Naomi Camilleri f’isem il-membri, espremiet l-entuzjasmu u d-determinazzjoni f’din l-avventura ġdida fejn kulħadd jista’ jsemma’ leħen it-tfal.
Il-Ministru Said rringrazzja lill-Kummissarju u lill-istaff tagħha waqt li awgura iktar ħidma sabiex it-tfal u ż-żgħażagħ ikomplu jiżviluppaw lilhom innfushom. Ir-riżultati pożittivi li nkisbu f’dawn l-aħħar snin għandhom iservu ta’ kuraġġ u determinazzjoni sabiex dawn jibqgħu jitkattru.
Stqarrijiet Oħra:
PR262022
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’...
PR262021en